Jinstabu mal-200 parti differenti ta' ġisem tal-vittmi tal-ajruplan Russu li ġġarraf ilbieraħ

    Ħaddiema tas-salvataġġ sabu mal-200 parti ta’ iġsma f’għalqa fil-viċinanzi ta’ Moska fis-sit fejn matul il-jum tal-bieraħ ajruplan Russu ġġarraf b’71 persuna abbord.

    Il-partijiet differenti li nstabu fost it-tifrik tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Saratov kellhom jitneħħew matul il-jum tal-lum, hekk kif tim li jlaħħqu s-600 persuna qed ikomplu jfittxu fiż-żona għal kull forma ta’ xhieda.

    Kelliema għall-Kumitat Russu ta’ Investigazzjoni aktar kmieni qalet li l-partijiet tal-vittmi u l-frammenti tal-ajruplan infirxu f’żona pjuttost wiesgħa.

    It-titjira għebet minn fuq ir-radar ftit tal-ħin wara li telaq mill-Ajruport ta’ Domodedovo, u ġġarraf fid-distrett ta’ Ramenskoye. Uffiċjali qalu li kienu rkupraw iż-żewġ rekorders tal-ajruplan, madankollu ma taw l-ebda dettalji dwar x’seta’ wassal biex l-ajruplan jiġġarraf.