Christabelle Borg: “Fittxu l-għajnuna għax hemm qiegħda” … Messaġġ qawwi dirett lejn dawk li qed ibatu minn xi problemi ta’ saħħa mentali

    Ftit jiem wara li rebħet il-festival Malti tal-Eurovision, iltqajna u tkellimna fid-dettall mal-kantanta żagħżugħa Christabelle Borg dwar il-karriera mużikali tagħha u dwar l-esperjenzi u d-diffikultajiet li għaddiet minnhom biex waslet s’hawn. Bdejna din l-intervista billi tajna ħarsa dwar kif bdiet il-karriera ta’ Borg, fejn saħansitra kantat anke ma' kantanti internazzjonali barra minn Malta.

    Kif bdiet il-karriera mużikali tiegħek li wasslitek biex saħansitra tirbaħ il-Malta Song Eurovision?

    Bdejt inkanta ta’ tliet snin għand Doreen Galea. L-ewwel diska kien jisimha “Jien inħobb il-ħelu” li kienet miktuba minn Joe Julian Farrugia u Sammy Galea. Wara din id-diska bdejt nieħu sehem f’ħafna festivals tat-tfal biex inrabbi l-kunfidenza fuq il-palk. Imbagħad bdejt nieħu sehem fil-Junior Eurovision u kemm il-darba ġejt ikklassifikata fit-tielet jew fit-tieni post però qatt ma rbaħtu. Qatt ukoll f’għomri ma kont nobsor li se nirbaħ il-Eurovision tal-kbar. 

    Wara l-Junior imbagħad ma bdejtx nieħu sehem mill-ewwel fil-festival tal-kbar għax kont għażilt it-triq tar-radju. Il-Eurovision xorta bqajt inħobbu u dejjem segwejtu. F’dak il-perjodu rbaħt ukoll il-Bay Music Awards u l-MMAs bħala Best Solo Artist, Best Song u anke Best R&B Artist għax dak iż-żmien kont inkanta ħafna diski R&B. Wara dan kollu mbagħad bdejt nieħu sehem fil-festival tal-kbar.

    Kemm il-darba ħadt sehem fil-Malta Song Eurovision?

    Ħadt sehem erba’ darbiet f’dan il-festival. L-ewwel darba ma rnexxilix nikkwalifika. F’wieħed minnhom ġejt ikklassifikata fit-tieni pożizzjoni, darba oħra fir-raba’ pożizzjoni u din is-sena rnexxieli nirbħu għax spiċċajt fl-ewwel post.

    Inti ko-awtriċi tad-diska. Tgħidilna x’esperjenza għaddejt minnha biex ktibt din id-diska Taboo?

    L-esperjenza kerha li għaddejt minnha seħħet is-sena li għaddiet. Għal xhur sħaħ għaddejt l-agħar żminijiet ta’ ħajti fejn saħansitra kont nistaqsi lili nnifsi għalfejn qed ngħix. Kulħadd jgħaddi minn problemi però tiegħi kienu aktar gravi minn dawk normali. Għalkemm ngħid lil dawk kollha li għaddejin minn xi tip ta’ problemi, dan mhux faċli għax huwa proċess kontinwu u ma jiqafx meta tfittex l-għajnuna darba iżda trid tkompli tfittixha għax il-moħħ huwa diffiċli biex tikkontrollah. 

    Qatt ma kont norqod u kien ikolli dwejjaq kbar. Affettwawli ħajti ħafna saħansitra ma kontx naf x’qed nagħmel. Kont żammejt kollox ġo fiha u tal-familja kienu l-aħħar persuni li saru jafu minn xiex qed nagħddi peress li kulħadd ikollu l-problemi tiegħu u ma ridt bl-ebda mod inżid xi problemi fuq ħaddieħor. L-unika ħaġa li kont inkun qed nistenna li tasal kienet il-ġurnata xogħol peress li hemm kont insib is-serħan tiegħi u nwarrab ftit il-problemi fil-ġenb. Jien irnexxieli negħleb din il-problema u nemmen li ħaddieħor jista’ wkoll jagħmel bħali. 

    X’tikkumenta dwar il-fatt li skont stħarriġ se jiżdiedu n-nies b’mard mentali?

    Din tista’ taffettwa lil kulħadd kemm lil dawk li m’għandomx xogħol u anke lil dawk li għandhom ħafna xogħol. Meta tkun għaddejja minn fażijiet ta’ stress jista’ jaffettwalek moħħok għax din mhix taboo għax jista’ jgħaddi minnha kulħadd. Il-maġġoranza tal-poplu xi darba jew oħra f’ħajjiethom ikollhom ħsibijiet ħżiena u dwejjaq. Din il-kanzunetta ktibtha biex tinħoloq kuxjenza biex dawk il-persuni li jkunu għaddejjin minn xi problema f’ħajjithom ifittxu l-għajnuna u mhux jibqgħu jbatu waħedhom fis-silenzju. Jekk ma tfittixx l-għajnuna, ħadd ma jkun jaf li għaddejja minn xi problemi.

    Temmen li f’pajjiżna hemm bżonn ta’ aktar għarfien dwar is-saħħa mentali?

    Ċertament li hemm bżonn aktar għarfien. Hija xi ħaġa li minn dejjem ridt nagħmel id-differenza u mhux għax kien hawn il-Eurovision. Meta ġieli rajt diversi kampanji dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna minn dejjem kelli x-xewqa li nagħti kemm jista’ jkun is-sehem tiegħi. Wara l-Eurovision se nibqa’ ngħin biex nagħmel karita ma' min qed ibati, però issa bis-saħħa tal-President se nkun nista’ ngħin lill-assoċjazzjonijiet kollha.

    Il-ħatra li ħatritni l-President bħala Ambaxxatur tal-Fondazzjoni tagħha mhux għax ktibt din il-kanzunetta biex inqajjem għarfien, iżda għax jien għaddejt personalment minn din il-problema u nista’ nifhem is-sitwazzjonijiet ta’ persuni li jkunu għaddejjin bi problemi ta’ saħħa mentali. Il-kanzunetta tiegħi hija messaġġ ta’ tama għalija.

    Qatt kont timmaġina li se tkun l-Ambaxxatriċi ta’ pajjiżna f’Lisbona?

    Darba kont ħlomtha fil-veru sens tal-kelma, infatti kif qomt mis-sodda kont qbadt il-mowbajl f’idi mill-ewwel biex nibda naqra l-mijiet ta’ messaġġi t’awgurju li kienu bagħtuli, però wara ftit tal-ħin indunajt li dik kienet biss ħolma, li issa vera saret realtà. Għalkemm dejjem emmint fil-kanzunetta, qatt ma bsart li jien se nkun l-ambaxxatriċi Maltija f’Lisbona. 

    X’kienet l-esperjenza tiegħek fl-Istati Uniti?

    L-esperjenza tiegħi bdiet minn Malta għax ma kontx mort hemm b’kumbinazzjoni. Fi programm fuq stazzjon tat-televiżjoni lokali kien jittella’ programm fejn fih kienu jkunu mistiedna tliet ġurija internazzjonali li kienu involuti fil-Pop Idol fl-Ingilterra. Dawn iddeċidew li jagħmlu kompetizzjoni u l-premju kien li min jirbaħ kien se jmur l-Istati Uniti biex biex ikompli jitħarreġ fuq il-kant. 

    Wara li rnexxieli nirbaħ dik il-kompetizzjoni fl-età ta’ 14-il sena, bagħtuni f’St Mary’s College f’Hollywood l-Istati Uniti fejn attendejt għal kors twil u estensiv dwar il-kant, kitba tal-lirika, movimenti u dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kant. Miegħi kienet telgħet ommi u domt madwar sajf sħiħ hemmhekk. 

    Fl-istess kulleġġ jieħdu dan il-kors miegħi kien hemm ħafna artisti li llum il-ġurnata huma ħafna popolari bħal Lucy Hale u Demy Lovato. L-ikbar ħabiba tiegħi hemmhekk u li saħansitra kont naqsam il-kamra magħha hija ħadd ħlief Alexandra Shipp li għadha kif interpretat parti importanti fil-film X-Men. Wieħed mill-ħbieb li kelli hemmhekk se jkun f’pajjiżna flimkien mal-attur Antonio Banderas fil-filming li se jagħmlu f’pajjiżna. Dawn kollha għadni f’kuntatt magħhom u saħansitra għadni nkellimhom permezz tal-Facebook.

    Fl-Istati Uniti għamilt ħafna kuntatti infatti erġajt tlajt hemmhekk biex nirrekordja xi materjal u minn hemm bdejt noħroġ is-singles. Kienet esperjenza li għallmitni ħafna lili mhux biss it-teknika tal-kant iżda ħafna aktar. 

    X’kienet il-kollaborazjoni tiegħek ma’ Disney Channel?  

    Wara li kont lestejt il-kors u ġejt Malta erġajt bdejt l-iskola. Kif erġajt tlajt l-Istati Uniti kont ġejt avviċinata minn wieħed li kien jgħallimni u jħarriġni fil-kors, u qalli li wara li kien wera l-materjal u l-potenzjal tiegħi lil xi aġenti, kienu interessati biex jiltaqgħu miegħi biex saħansitra nibda karriera mal-istazzjon popolari Disney Channel. Kont irrifjutajt din l-opportunità għax kif kien sema’ dan kollu missieri, kien qalli ‘ejja naqbda l-ewwel titjira lejn Malta’. Ovvjament kont għadni żgħira u kien għad baqagħli ħafna x’nistudja. Illum il-ġurnata però nirringrazzjah ħafna lil missieri tad-deċiżjoni li kien ħa għax kieku llum jien mhux qiegħda hawn.

    Ġieli kellek l-esperjenza li tkanta barra minn Malta? 

    Waħda mill-isbaħ esperjenzi li kelli f’ħajti kienet meta kantajt mal-kantant Taljan Gigi D’Alessio fit-tour dinji li kien qed jagħmel fil-belt tTaljana ta’ Ruma. Kelli 17-il sena u niftakar li kien hemm kompetizzjoni onlajn li biex tieħu sehem fiha ridt tissottometti kanzunetta. Konna rbaħna din il-kompetizzjoni jiena u l-kantanta Thea Garett. Kont kantajt ma’ Alessio d-diska ‘Un Nuovo Bacio’ kanzunetta li jkanta mal-kantanta Anna Tatangelo li hija l-mara tiegħu.

    Se tiżżewwġ dalwaqt. Kif se tlaħħaq il-preparamenti tat-tieġ u l-Eurovision?

    Jekk għandhom isiru l-affarijiet isiru anke f’ġimgħa. Kelli ċans biex nipprera għat-tieġ u għandi ħafna min jgħini u l-importanti hija li se niżżewweġ lil persuna li nħobb u l-affarijiet materjali jiġu wara.

    Tixtieq tirranġa xi ħaġa mid-diska qabel tmur il-Portugall?

    Jiena naħseb li d-diska ntgħażlet mill-poplu u m’għandu jinbidel xejn minnha. Li jsiru huma ftit arranġamenti mużikali biex tkun aktar b’saħħitha però le ma nbiddel xejn. Il-PBS u t-tim emmnu fil-kanzunetta tiegħi u nibqa’ grata lejn il-Maltin u Għawdxin kollha li vvutawli għax kieku llum mhux qiegħda hawn. In-nies itellgħuk ‘il fuq, però kapaċi jniżżluk jekk tinsa minn fejn tkun bdejt fil-karriera tiegħek.

    Kemm int fiduċjuża li d-diska tgħaddi għall-finali peress li l-Maltin dan l-aħħar donnhom qatgħu qalbhom peress li ma tantx morna tajjeb?

    Jiena nemmen ħafna fil-kanzunetta, però jiddependi wkoll mill-kanzunetti l-oħra li se jkun hemm kif ukoll mill-preżentazzjoni tiegħi. L-importanti ma jrid ikun hemm ebda pressjoni żejda u l-mira tagħna hija li nagħddu mis-semi finali.

    X’se tkun it-triq li jmiss wara l-Eurovision?

    Nibda naħdem fuq album ġdid u se nkompli nagħti ħilti u dak kollu li nista’ f’din il-fondazzjoni biex is-saħħa mentali jkollha aktar għarfien. Se naħdem minn kollox biex tispiċċa l-istigma li teżisti dwar is-saħħa mentali f’pajjiżna, biex inbiddlu l-perspettiva tagħna lejn l-isptarijiet  mentali.

    RITRATT: Rachel Micallef Somerville