Iċ-Ċina tikxef ajruplan militari ġdid … “Lest biex jintuża fi ġlied”

    L-ajruplani militari ġodda tal-qawwa Ċiniża huma lesti biex jintużaw fi ġlied. Hekk kienu jgħidu rapporti fuq is-sit uffiċjali tal-qawwiet militari Ċiniżi u l-aġenzija tal-aħbarijiet Xinhua, bir-rapporti jisħqu li l-ajruplan J-20 tat-tip stealth jinsab lest u anke kkummissjonat biex jintuża mill-qawwiet tal-ajru Ċiniżi.

    L-ajruplan stealth J-20 huwa meqjus ir-risposta taċ-Ċina għall-F-22 u l-F-35 użati mill-qawwa tal-ajru tal-Istati Uniti.

    F’kumment fuq is-sit uffiċjali tal-militar Ċiniż, l-espert militari Song Zongping saħaq li l-J-20 se jkun kapaċi jiffaċċja kull rival li fil-futur jittanta jipprovoka liċ-Ċina mill-ajru.

    Zongping żied jgħid li l-ajruplan se jkun qed ibiddel il-bilanċ tal-qawwiet tal-ajru fir-reġjun tal-Ażja-Paċifiku. Dan hekk kif fil-passat l-Istati Uniti u l-alleati tagħha l-Ġappun kienu kellhom il-kapaċità li jużaw fi ġlied ajruplani tat-tip stealth. “Madankollu l-monopolju tagħhom issa ġiet fi tmiemha.”