Il-midja tal-Korea ta' Fuq tfaħħar bil-kbir lit-tim tan-nisa tal-ice hockey … iżda ma tirreferix għat-telfa u l-iskor finali!

    Il-midja tal-Korea ta’ Fuq dalgħodu faħħret mhux ftit lill-plejers u lis-sostenituri tat-tim femminili tal-ice hockey wara l-ewwel logħba uffiċjali tagħhom f’din l-edizzjoni tal-Olimpjadi tax-xitwa li qed tiżvolġi fi Pyeongchang. Madankollu mkien ma saret referenza għat-telfa li sofrew, jew għar-riżultat aħħari ta’ 8-0.

    Kim Yo Jong, oħt il-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un, kienet preżenti meta għal-logħba tat-tim Korean kontra l-Iżvizzera. Il-logħba kienet avveniment politiku daqs kemm kien wieħed sportiv, bit-tim unifikat taż-żewġ Koreji jkun l-ewwel wieħed f’27 sena, u l-ewwel wieħed fl-Olimpjadi, bħala parti mill-ftehim li ġie fis-seħħ ix-xahar li għadda bejn iż-żewġ pajjiżi ġirien.

    L-Aġenzija Ċentrali tal-Aħbarijiet tal-Korea, immexxija minn Pyongyang, iffokat fuq it-tim u ċ-cheerleaders, fejn saħansitra saħqet li “d-dehra tal-plejers u x-xena impressjonanti tas-sostenituri għal darba oħra ġiegħlu lill-ispettaturi jħossu li l-Korea hija nazzjon li ma jistax jgħix b’mod separat.” Madankollu mkien ma saret referenza għall-iskor finali tal-logħba, bl-Iżvizzera jiddominaw il-logħba u bl-iskor finali jkun ta’ 8-0 favurihom.