ARA: "Il-Futur Huwa Issa"... Il-GWU tħabbar l-attivitajiet għall-75 anniversarju

    Il-GWU tħabbar l-attivitajiet għall-75 anniversarju

     

    "Il-Futur Huwa Issa" hija t-tema magħżulha mill-GWU biex tiċċelebra l-75 sena mit-twaqqif tagħha.

    Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja ħabbar il-programm ta' attivitajiet li se jilħqu l-qofol tagħhom bil-Kungress Nazzjonali tal-5 ta' Ottubru li ġej, il-jum li fih fl-1943 twaqqfet l-unjin.

    Il-programm huwa maqsum fuq erba' temi: relazzjonijiet industrijali u djalogu soċjali, temi soċjali, edukazzjoni u taħriġ kif uoll tibdil fl-istrutturi interni nkluż l-istatut.

    Josef Bugeja sostna li huwa jemmen bis-sħiħ li biex organizzazzjoni tibqa' attiva, relevanti u żagħżugħa trid tibqa' taġġorna ruħha kontinwament.

    "Nemmen li t-trejdunjoniżmu għadu relevanti imma rridu naħdmu b'mod differenti minn kif konna naħdmu qabel. Nemmen li l-GWU għandha enerġija biex taġġorna ruħha u tieħu rwol aktar ċentrali f'soċjeta Maltija. Nemmen bis-sħiħ li dan huwa l-bidu tal-futur tagħna u tal-GWU", żied jgħid Bugeja.

    Preżenti għat-tnedija tal-programm kien hemm il-President Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri u s-segretarji w uffiċjali għolja tal-GWU.