Niġġudikaw bir-riżultati

    Fil-jiem li ġejjin nistennew li l-gvern iħabbar min se jkunu l-persuni li jmexxu u jpoġġu fuq diversi bordijiet pubbliċi. Bordijiet li jmexxu awtoritajiet, korporazzjonijiet jew aġenziji li għandhom rwol importanti fis-soċjetà tagħna. Fuq kollox għandhom impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Diġà bdejna nisimgħu xi ismijiet (uħud żvelajnihom aħna), u m'hemmx dubju li għal kull isem se jkun hemm reazzjonijiet imħallta. Fuq kollox, il-Malti jgħid, mitt bniedem mitt fehma.

    Anke aħna għandna l-opinjoni tagħna. Iżda, nemmnu li f'dan l-istadju ma jagħmilx sens li noqogħdu nagħmlu xi eżami ta' kull persuna nominata. Wara kollox iż żmien se jagħtina parir jekk għażla tkunx tajba jew le. Irridu niġġudikaw bir-riżultati u mhux bl-ismijiet.

    Li hu ċert huma tlett affarijiet:

    L-ewwel: min falla fl-aħħar snin m'għandux postu iktar fit-tmexxija tal-pajjiż. Jattakkawna kemm jattakkawna se nibqgħu nisħqu li min wassal għal falliment f'diversi oqsma jerfa' r-responsabbiltà, iwieġeb għal għemilu u jwarrab.

    It-tieni: il-kunċett Malta Tagħna Lkoll ifisser li nies ta' ħila ġejjin minn fejn ġejjin jingħataw kull ċans. Donnu hawn min irid iġagħlna nemmnu li mertikorazija tfisser li jibqgħu l-istess nies li kien hemm u li iktar minn hekk, min appoġġja l-gvern preżenti tul l-aħħar snin, m'għandu jkun appuntat imkien. Argumenti bażwija ta' min m'għandux żejt f'wiċċu. Min-naħa l-oħra għandhom jibqgħu fil-kariga dawk li taw riżultati u lesti jkomplu jaħdmu għall-pajjiż.

    It-tielet: il-ħatriet fil-qasam tal-ġustizzja jawguraw tajjeb u jekk ikollna noqogħdu fuq il-qawl Malti li x-xemx minn filgħodu turik allura l-affarijiet jistgħu jidhru pożittivi. Iżda, mhux se naqgħu fit-tentazzjoni li ngħaġġlu u se niġġudikaw biss bir-riżultati. Fejn dawn ma jaslux se nibqgħu nkunu aħna l-leħen taċ-ċittadin komuni u se nesiġu li l-bidla li vvota għaliha l-poplu titwettaq.