377 każ ta’ rimi illegali f’aktar minn 190 sit

    Konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni ta’ regolamenti mmirati kontra r-rimi u r-reklamazzjoni tal-art illegali

    Ġiet imtellgħa konsultazzjoni pubblika dwar il-liġi tal-afforestazzjoni mill-ERA u mill-Awtorità tal-Ippjanar – liema liġi titratta r-rimi illegali u r-reklamazzjoni tal-art illegali u li tħares ’il quddiem lejn il-protezzjoni u l-ħarsien tal-art agrikola u naturali. Preżenti għall-avveniment kien hemm il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius, kif ukoll diversi eNGOs u membri tal-pubbliku.

    Il-Ministru Ian Borg qal li din il-konsultazzjoni hi parti essenzjali minn proċess li se jagħti spinta lis-salvagwardja tal-ambjent hekk kif is-sitwazzjoni preżenti hi relattivament allarmanti bi 377 każ ta’ rimi illegali f’aktar minn 190 sit - uħud pubbliċi u oħrajn privati. Il-Ministru għamilha ċara li regoli bħal dawn iridu jitħejjew u li d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu, iżda insista dwar l-importanza tal-konsultazzjoni favur it-trasparenza u l-inklużjoni totali.

    Il-Ministru saħaq dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni minn kulħadd f’dan l-istadju essenzjali u wera dispjaċir bil-ħsara li qed issir minħabba dan ir-rimi u dan ma jistax jibqa’ għaddej. Jeħtieġ li min qed jagħmel il-ħsara jirretifika s-sitwazzjoni, inkella jkollhom jieħdu l-passi neċessarji l-awtoritajiet.

    Il-Ministru Ian Borg spjega li permezz ta’ dawn ir-regolamenti, l-art li bħalissa qed tniġġes il-pajsaġġ tagħna se tibda ssebbħu u kkonkluda li s-sostenibbiltà hi l-aqwa bilanċ għal futur aħjar u għal pajjiż nadif u b’saħħtu - għalina u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

    “Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni qed proprju jseħħ għax nemmnu li l-prinċipji marbuta ma’ dawn ir-regolamenti huma verament id-direzzjoni li rridu naqbdu”, kompla l-Ministru Herrera filwaqt li spjega li permezz ta’ din il-liġi pajjiżna qed idaħħal il-prinċipju tar-‘riġenerazzjoni tal-art’ b’mod sostenibbli u l-art li tħalliet dilapitata, permezz ta’ studji mill-ERA, issa se tiġi riġenerata b’mod metikoluż u studjat.

    Il-Ministru Herrera qal li din il-liġi toffri l-għodda neċessarja biex tiġi riġenerata l-art dilapitata għall-fini ta’ afforestazzjoni u l-Gvern, b’mod serju, se jkompli bil-ħidma tiegħu favur l-afforestazzjoni f’pajjiżna. Din il-ħidma tikkumplimenta proġetti u inizjattivi oħrajn ta’ afforestazzjoni inklużi dawk f’Kemmuna u l-inizjattiva tal-Gvern li titħawwel siġra għal kull tarbija li titwieled f’Malta.

    Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius għalaq din il-konsultazzjoni pubblika billi rringrazzja lill-entitajiet konċernati u lil dawk preżenti għall-kontribut tagħhom u ħeġġiġhom biex min għandu aktar kummenti x’jgħaddi jibgħat email biex b’hekk ikollna l-aħjar abbozz ta’ liġi possibbli. Chris Agius insista li l-abbuż fuq l-art tal-gvern irid jieqaf u l-art tal-poplu għandha tiġi salvagwardjata inkluż l-abbuż ta’ art fil-fossijiet (ditches) li jdawru s-swar tat-tlett ibliet tal-Kottonera.