Aktar minn €330,000 biex jitjiebu l-faċilitajiet tal-pumping station f’Ta’ Kandja

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi żar il-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fil-pumping station f’Ta’ Kandja. Hawnhekk riċentament sar titjib fil-makkinarju kif ukoll investiment li b’kollox laħħaq mat-€332,000 biex jitjiebu l-faċilitajiet tas-servizzi tal-ilma. 

    Ta’ Kandja Pumping Station hija waħda minn tlettax-il pumping station li minnhom il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ttella’ l-ilma ta’ taħt l-art. Dan wara jitħallat mal-ilma li jiġi prodott mill-impjanti ta’ desalinazzjoni, u jiġi diżinfettat bil-chlorine u jitqassam lill-konsumatur.

    Fl-aħħar xhur, il-Korporazzjoni bdiet timplimenta proġett sabiex tintuża teknoloġija ġdida. Minflok l-użu ta’ chlorine fil-forma ta’ gass biex issir id-diżinfezzjoni, permezz ta’ kurrent tad-dawl u l-melħ li jinstab naturali fl-ilma tal-pjan, il-chlorine jiġi prodott u applikat fil-pajpijiet b’mod immedjat. Il-ħsieb huwa illi kemm jista’ jkun, jiġi eliminat l-użu tal-chlorine fiċ-ċilindri tal-gass. Dan jassigura metodu ta’ diżinfezzjoni aktar sigur. 

    L-ispiża ta’ dan il-makkinarju laħqet is-somma ta’ €195,000. Il-Ministru qal li l-ewwel riżultati kienu tajbin ħafna u l-Korporazzjoni qiegħda tistudja l-possibilità li din it-teknoloġija tiġi applikata fis-sorsi l-oħra.

    Barra minn hekk, matul dawn l-aħħar sentejn, saret manutenzjoni estensiva fuq il-lift li jwasslek sal-livell tal-galleriji li jinsabu mal-100 metru taħt l-art u l-ispiża ta’ dan ix-xogħol laħħaq l-ammont ta’ €137,000.