Il-passaport Malti d-disa' l-iktar b'saħħtu fid-dinja … pajjiżna jitla' lura fil-pożizzjoni li kien fl-2016

    Rapport ta' Henley & Partners juri kif Malta telgħet pożizzjoni fil-klassifika tal-iktar passaporti b'saħħithom fid-dinja u mill-10 post li kienet tokkupa fl-2017 issa tinsab fid-disa' post.

    Is-saħħa tal-passaport huwa ikkalkulat skont kemm ċittadin ta' pajjiż ikun jista' jidħol f'pajjiżi mingħajr il-bżonn ta' visa.

    Bil-passaport Malti, persuna li għandha ċ-ċittadinanza Maltija tista' tidħol f'169 pajjiż meta s-sena li għaddiet setgħet tidħol f'167. Fl-2016 Malta wkoll kienet fid-disa' post meta bil-passaport Malta persuna setgħet tidħol f'168 pajjiż.

    Il-Ġermanja baqgħet fl-ewwel post biċ-ċittadini tagħha jistgħu jidħlu f'177 pajjiż mingħajr ma jkollhom bżonn jagħmlu visa.

    Fit-tieni post tiġi Singapore b'176 pajjiż waqt li fit-tielet post jiġu tmien pajjiżi – id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, l-Italja, il-Ġappun, in-Norveġja, l-Isvezja u r-Renju Unit - b'175 pajjiż.

    Fir-raba' post hemm l-Awstrija, il-Belġju, il-Lussemburgu, l-Olanda, Spanjau l-Iżvizzera b'174 pajjiż mentri l-Irlanda, il-Korea t'Isfel, il-Portugall u l-Istati Uniti jiġu fil-ħames post  b'173 pajjiż.

    Il-Kanada tinsab fis-sitt post b'172 pajjiż; l-Awstralja, il-Greċja u New Zealand qegħdin fis-seba post b'171 pajjiż waqt li fit-tmien post hemm ir-Repubblika Ċeka u l-Iżlanda b'170 pajjiż.

    Wara Malta fid-disa' post tiġi l-Ungerija fl-10 post li għandhom 168 pajjiż fejn iċ-ċittadini tagħha jistgħu jidħlu bla visa.

    F'qiegħ il-klassifika, jiġifieri fil-104 post, hemm l-Afghanistan b'24 pajjiż biss u qablu jiġu l-Iraq fil-103 post b'27 pajjiż, is-Sirja fil-102 postijiet bi 28 pajjiż, fil-101 post il-Pakistan bi 30 pajjiż waqt li fil-100 hemm is-Somalja bi 32 pajjiż fejn iċ-ċittadini li għandhom il-passaport jistgħu jidħlu bla visa.