“Negozju tal-qbid u l-bejgħ tal-għasafar tal-għana … In-nassaba kellhom xalata”

    “Negozju tal-qbid u l-bejgħ tal-għasafar tal-għana”. Hekk kien deskritt minn BirdLife Malta l-istaġun tal-insib li ġie fi tmiemu nhar l-Aħħar tas-Sena.

    BirdLife saħqet li xhieda li għandha f’idejha tindika li l-infurzar tul dan l-aħħar staġun tal-insib kien wieħed kajman u anke assenti għal kollox f’xi waqtiet. Dan wassal biex in-nassaba jkollhom “xalata” matul l-aħħar xahrejn u nofs bl-ineffiċjenza tal-Pulizija.

    BirdLife kompliet tgħid li minkejja li għamlet diversi rapporti mal-Pulizija, ma kien l-ebda rispons fl-ebda minn dawn il-każi u ma ngħata l-ebda eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni.