"IL-KONTROVERSJA DWAR L-ARMONIZZAZZJONI TAT-TAXXI FL-UE TKOMPLI DIS-SENA"

    Din is-sena u fis-sena ta’ warajha fl-istituzzjonijiet Ewropej se tqum il-kontroversja dwar l-unanimita` bejn l-istati membri tal-UE biex tkun introdotta l-armonizzazzjoni fit-taxxa. Dan qalu Alfred Sant waqt programm televisiv dwar Malta u l-Unjoni Ewropea. Dr Sant qal li biex l-UE tiddeċiedi dwar taxxi tal-kumpaniji u dwar taxxi personali, hemm bżonn ta' unanimita` għax din materja li taqa'  barra milli jgħidu t-trattati. Imma hemm min qed jargumenta li klawsola tat-trattati tippermetti li f'ċerti ċirkostanzi ma hemmx bżonn ta' unanimita` anke dwar taxxa. Dan l-argument infetaħ is-sena li għaddiet. 

    Dr Sant qal li qed issir pressjoni fl-istituzzjonijiet Ewropej favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Fil-Kummissjoni Ewropea u fil-Parlament Ewropew hemm qbil li jkunu armonizzati t-taxxi fl-UE waqt li hemm ideat differenti fil-Kunsill Ewropew. 

    Mistoqsi minn Stefan Borg jekk spiċċax il-konsensus bejn iż-żewġ partiti politiċi f’Malta dwar il-politika ta’ tassazzjoni wara li l-MEPs tal-PN ivvotaw favur rapport li jgħid li deċiżjonijiet dwar taxxa ma għandhomx jiġu deċiżi minn vot unanimu, Alfred Sant wieġeb li jrid ikun il-PN li jrid iwieġeb din il-mistoqsija.

    “Il-vot li ħadu d-deputati nazzjonalisti fuq ir-Rapport tal-Panama fil-Parlament Ewropew kien jgħid li l-unanimita` dwar it-tassazzjoni trid tispiċċa. Jekk ivvotaw favur ir-rapport, ivvotaw favur dan il-punt. Bil-vot tagħhom l-MEPs tal-PN qablu li t-tassazzjoni m’għandhiex tibqa’ prerogattiva tal-pajjiżi membri. Bl-istess mod, punt ieħor li qiegħed fir-rapport li vvotaw favur tiegħu jgħid illi kull ftehim dwar taxxa doppja bejn pajjiżi membri tal-UE u pajjiżi oħra, għandu jittieħed u jsir minn Brussell. Li hemm inkwetanti f’din il-ħaġa hi li donnu l-PN bidel il-pożizzjoni tiegħu, ma għadux jappoġġja ċertu pożizzjonijiet li kien hu wara kollox li kien għafas fuqhom meta Malta daħlet fl-UE. Din hija xi ħaġa perikoluża ħafna.”

    Dr Sant qal li hemm affarijiet fl-UE li jeħtieġ li jitjiebu pereżempju żgur li hemm bżonn li għalkemm l-ekonomiji qed jirrankaw, hemm bżonn aktar ħsieb u inizjattiva kif noħolqu aktar xogħol għaż-żgħażagħ, iktar kura għal persuni li jinsabu qrib il-faqar. Fil-qasam tal-immigrazzjoni jeħtieġ li l-Ewropa tkun aktar soda iżda aktar ħanina. L-istess ħaġa tgħodd għal Malta.

    “Għal futur – laburisti, nazzjonalisti – aħna minn aħna-  irridu l-ewwel nett dak li sejjer tajjeb inkomplu nsostnuh, nifhmu li għad iridu jiġu żminijiet differenti u diffiċli għax dejjem hekk jiġri. Il-ħajja rota u fejn naraw li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb biżżejjed irridu nagħmlu l-almu tagħna biex insewwuhom b’sens ta’ lealta` lejn il-pajjiż u anki lejn l-Ewropa għax wara kollox aħna Ewropej.”