Tlieta fil-Qorti b’rabta mas-sejba ta’ 32 kilo droga fil-Ħamrun

    Żewġ Maltin u Taljan baqgħu jinżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti b’rabta mas-sejba ta’ 32 kilo droga kannabis u €42,000 fi flus kontanti waqt rejd li sar il-Ħamis waranofsinhar fi Triq San Vinċenz, il-Ħamrun. 

    Huma tressqu separatament fejn l-ewwel wieħed kien it-Taljan Salvatore Coco ta’ 48 sena, li fl-awla nstema’ jgħid li ma kienx qed jaħdem u li kien avviċinat.

    Coco kien mixli li ftiehem ma’ ħaddieħor biex jittraffika d-droga kannabis, bl-importazzjoni u bil-pussess tad-droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u li għamel atti ta’ ħasil ta’ flus. 

    Huwa kien arrestat wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li huwa kien se jimporta ammont konsiderevoli ta’ droga. Minnufih il-Pulizija marret f’kumpless ta’ komun ta’ garaxxijiet ġewwa l-Ħamrun, fejn sabu vettura bi pjanċi Taljani, li kienet tal-istess imputat, u fiha nstabu madwar 32 kilo droga kannabis flimkien ma’ €42,000 fi flus kontanti.

    Coco wieġeb mhux ħati tal-akkużi li nġiebu kontrih, bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba n-natura u l-gravità tar-reat, il-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri u l-imputat m’għandux rabtiet fissi ma’ Malta.

    Fid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Josette Demicoli ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-Taljan u b’hekk baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. Huwa kellu wkoll l-assi tiegħu ffriżati.

    Wara t-Taljan tressqu l-Qorti Michael Aquilina ta’ 45 sena mill-Mosta u Gordon Schembri ta’ 31 sena mill-Floriana. Huma ġew mixlija li assoċjaw ruħhom ma’ persuni biex ibiegħu jew jittraffikaw id-droga kannabis, li importaw id-droga, li rrendew ruħhom kompliċi u li għamlu atti ta’ ħasil ta’ flus.

    Michael Aquilina waħdu kien mixli li naqas milli jħares kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti waqt li Gordon Schembri waħdu kien mixli li sar reċediv. 

    Din mhux l-ewwel darba li Aqulina tressaq il-Qorti wara sejba ta’ ammont konsiderevoli ta’ droga, u dan hekk kif f’Settembru li għadda kien mixli li flimkien ma’ persuna oħra, waqt li kieny abbord dgħajsa fl-Għadira, daħħlu f’Malta madwar 70 kilo droga kannabis.

    Huma wieġbu mhux ħatja għall-akkużi li nġiebu kontrihom iżda minkejja li talbu li jingħataw il-ħelsien mill-arrest, baqgħu jinżammu arrestati. Il-Qorti ordnat li l-assi taż-żewġ imputati jiġu ffriżati.

    Il-kawża fil-konfront taż-żewġ Maltin u t-Taljan mistennija tkompli nhar it-Tlieta li ġej quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri. 

    Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar. Salvatore Coco kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Benjamin Valenzia filwaqt li Michael Aquilina u Gordon Schembri kienu assistiti mill-Avukat Kathleen Grima.