Pompa tal-petrol trasferita mill-Mosta għall-Magħtab

    L-Awtorita tal-Ippjanar tat permess biex pompa tal-petrol fil-Mosta tiġi trasferita għall-Magħtab.

    Il-Bord tal-Awtorita tal-Ippjanar ikkonferma li l-pompa proposta kellha kollox mal-'policy' approvata f'April 2015.

    L-iżvilupp jinkludi ħames 'dispensers' minn fejn jingħataw il-fjuwil, 'car wash' u ħanut fejn jinbiegħu u jissewwew it-tajers.

    Il-pompa se tinbena f'roqgħa art bejn Triq is-Salina u Trejqet l-Arżnu fejn bħalissa hemm żewġ irziezet abbandunati.

    Fil-permess tagħha l-Awtorita tal-Ippjanar obbligat lis-sid biex qabel jibda juża l-pompa l-ġdida jrid ikun żarma dik antika.

    Sadanittant, fi smiegħ ta' applikazzjoni oħra, il-Bord tal-Awtorita tal-Ippjanar ma laqax it-talba biex isir żvilupp ta' żewġ sulari f'żona ta' 100 metru mis-sit storiku ta' Għar Għerduf f'Kerċem, Għawdex.

    F'Ottubru 2000 l-Awtorita tal-Ippjanar kienet iddikjarat is-sit bħala wieġħed ta' Klassi A u f'Ġunju li għadda ġie rtirat permess li kien inħareġ fl-inħawi wara li rriżulta li kien hemm żball fl-assessjar tal-applikazzjoni.