Kieku l-IIP irħisa, ir-Russi għarrqu Malta... Isostni dan artikolista fuq is-sit Bloomberg f’artiklu dwar pajjiżna

    “Kieku l-programm taċ-ċittadinanza b’investiment IIP kien bi prezz irħas, kieku ċ-ċittadini Russi kienu jgħerrqu lil Malta biex jakkwistawh.” Hekk qal l-artikolist Leonid Bershidsky f’artiklu ppubblikat fuq il-ġurnal elettroniku Bloomberg.

    Fl-artiklu Bershidsky b’mod speċjali jagħmel referenza għall-fatt li mijiet ta’ ċittadini Russi qed jippreferu lil Malta minn pajjiżhom u b’mod speċjali mill-mexxej tagħhom Vladimir Putin. Qal ukoll li minkejja l-ostilità qed tikber bejn ir-Russja u l-Punent, il-President Vladimir Putin b'mod ċar ma rnexxilux jikkonvinċi lill-komunità kummerċjali Russa li għandha tkun aktar patrijottika. Dan għall-fatt li fil-lista ppubblikata mill-Gvern Malti ta’ persuni li xtraw l-IIP, hemm biżżejjed ismijiet Russi magħrufin li ddeċidew li jwarrbu pajjiżhom u jagħżlu lil Malta biex ma jibqgħux imwaħħla mal-fortizza ta' Putin.

    L-artiklu filwaqt li jispjega dwar x’wieħed għandu jagħmel biex jixtri ċ-ċittadinanza żied jgħid li tant dan il-programm huwa tajjeb, tant li jippermetti vjaġġar bla ebda viża għal aktar minn 160 pajjiż, u li tħalli persuna tgħix u tagħmel negozju f’kull pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Intqal ukoll li tant għamel suċċess dan il-programm, tant li fis-sena 2016, Malta minn żbilanċ baġitarju spiċċat biex kellha bilanċ pożittiv. Intant il-bejgħ taċ-ċittadinanza kkontribwixxa fil-kaxxa ta’ Malta mhux inqas minn €163.5 miljun f'dik is-sena.

    L-artiklu jżid jgħid li fost għexieren ta' Russi, fil-lista jispikkaw ismijiet ta’ persuni biljunarji bħal ma huwa Arkady Volozh, il-fundatur tal-akbar search engine Russa Yandex. Saħansitra l-President Russu kien ukoll żar mill-qrib l-uffiċini ta’ Yandex f'Settembru li għadda fejn segwa mill-qrib l-operat tal-kumpanija fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali. Yandex ġeneralment kienet  taħdem spalla ma spalla mal-Kremlin.

    L-artikolista jżid li anke l-fundatur biljunarju tal-kumpanija Kapersky u wieħed mill-akbar manifatturi tad-deheb fir-Russja xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Magħhom iżid sid ta’ katina ewlenija ta’ ditta sportiva u anke sid ta’ ditta partikolari li tipproduċi l-vodka.

    L-artiklu jtemm jgħid li għalkemm il-mexxej Russu reġa' fetaħ l-isforzi tiegħu biex jiżdied l-investiment fil-pajjiż, u offra bonds tal-gvern speċjali lill-investituri, xorta waħda jidher li dawn qed jippreferu l-passaport Malti għax qed iħarsu lejn investiment aħjar. Jikkonkludi li fatt ieħor għaliex dawn il-biljunarji jinsabu fil-lista Maltija, huwa li jkunu ‘l bogħod miċ-ċirku ta' ġewwa ta' Putin jew minn kuntratturi kbar tal-gvern Russu minħabba l-fatt li s-sistema tagħhom iġġib biża’ u hija prattikament dgħajfa.