RITRATTI: Kien ilu maħrub 14-il sena sħaħ … Boss tal-mafja Ġappuniż jinqabad minħabba ritratti tat-tattoos tiegħu

    Boss tal-Yakuza – il-Mafja Ġappuniża – safa arrestat fit-Tajlandja wara li kien ilu xejn inqas minn 14-il sena jaħrab mill-awtoritajiet. Huwa nqabad wara li ritratti tat-tattoos tiegħu li juru r-relazzjoni tiegħu mal-mafja.

    Shigeharu Shirai, li llum il-ġurnata għandu 72 sena, kien arrestat minn tim speċjalizzat ilbieraħ fil-belt Tajlandiża ta’ Lopburi waqt li kien qed jixtri mis-suq. L-anzjan kien ħarba mill-Ġappun fl-2003 wara li allegatament qatel lir-rival tiegħu waqt li kien għadu jagħmel parti minn din l-organizzazzjoni kriminali tant magħrufa.

    Huwa kien jgħix mistoħbi flimkien mal-mara tiegħu ta’ nazzjonalità Tajlandiża minkejja l-isforzi konġunti tal-awtoritajiet Tajlandiżi u Ġappuniżi biex jaqbduh.

    Dan sakemm eventwalment resident tal-belt ippubblika fuq il-midja soċjali ritratti tal-anzjan waqt li kien qed jirrilassa b’sidru barra bit-tattoos għad-deher. Fir-ritratt l-anzjan jidher ukoll li kellu wieħed mis-swaba’ ż-żgħar neqsin, indikazzjoni oħra li kien jagħmel parti mill-mafja Ġappuniża.

    Ir-ritratti tant ġrew fuq il-midja soċjali li ġibdu l-attenzjoni tal-pulizija Ġappuniża li talbu lill-awtoritajiet Tajlandiżi biex jieħdu azzjoni.

    Shirai jidher li mill-ewwel ammetta li kien il-mexxej tal-grupp affiljat mal-Yakuza, Kodokai.

    Tajjeb li jingħad li kuntrarjament għal organizzazzjonijiet kriminali u mafjużi oħrajn f’diversi pajjiżi, bħall-Italja u ċ-Ċina, il-Yakuza mhijiex meqjusa bħala illegali fil-Ġappun. Shirai qed ikun akkużat li qatel lil mexxej ta’ gang rivali. Filwaqt li ma ammettiex għall-qtil, huwa saħaq li r-rivali tiegħu kien jibbuljah.