Gżirjan jeħel sentejn ħabs talli seraq minn tmien vetturi fuq medda ta' sitt snin

    Gżirjan ta' 33 sena ntbagħat sentejn ħabs wara li nstab ħati li fuq medda ta' sitt snin sgassa u seraq minn tmien vetturi.

    Simon Borg instab ħati li bejn l-2005 u l-2011 seraq mill-vetturi li kienu ipparkjati fil-Mosta, Santa Venera, San Ġwann, iż-Żurrieq, Raħal Ġdid u fil-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei.

    Il-vittmi ta' dan is-serq kienu Jonathan Sultana, Abigail Azzopardi, Emerson Farrugia, Donald Borg, Antonella Pace, Marita Aquilina, Alfred Degiorgio u Christopher Scerri.

    Fil-parti l-kbira tal-każijiet is-sidien tal-karozzi sabu l-vetturi tagħhom sgassati u l-isterjows u l-ispijkers neqsin.

    Borg instab ħati wara li fuq il-vetturi nstabu marki tas-swaba tiegħu u quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli rriżulta li kellu l-vizzju tad-droga.

    L-istess maġistrat irrimarkat li huwa ħadem ħafna biex jegħleb dan il-vizzu u rnexxielu jsib ċertu stabilita f'ħajtu madankollu riċentament l-uffiċjal tal-probation li kienet qed issegwih sabet li reġa qabad il-vizzju u għandu bżonn programm ta' rijabilitazzjoni malajr.

    Fl-istess waqt iddeċidiet li tagħtih piena ta' priġunerija effettiva u ikkundannatu sentejn ħabs waqt li ordnat li s-sentenza ta' sena ħabs sospiża għal tliet snin li ngħata mill-Maġistrat Anthony Vella fl-1 ta' Ottubru 2010 terġa' tibda minn issa.

    Il-Maġistrat Demicoli irrakomandat ukoll lid-Direttur tal-Faċilita Korrettiva ta' Kordin biex fejn possibbli jagħti kull għajnuna lil Borg biex jegħleb il-vizzju tad-droga.

    Il-prosekuzzjoni f'dan il-każ tmexxiet mill-Ispetturi Michael Mallia u Kurt Zahra.