Tliet snin ħabs għal salesgirl

    Salesgirl ta' 39 sena kienet ikkundannata tliet snin ħabs wara li nstabet ħatja li żammet għaliha flus li kien taha Libjan b'konnessjoni ma' negozju li kellhom bejniethom.

    Il-Pulizija bdiet tinvestiga lil Joanne Sciberras wara rapport li sarilha minn Abdurraouf Mohamed Eddegram.

    Fir-rapport lill-Pulizija huwa qal li f'Novembru 2014 iltaqa' ma' Sciberras u talbitu jgħinha finanzjarjament peress li kellha kontejner bix-xorb maqbud id-Dwana u riedet tħallas biex jinħareġ.

    Kien għalhekk li għaddilha €2,400 quddiem l-accountant tiegħu u Sciberras wegħditu li kienet se tagħtih nofs il-qliegħ minn fuq il-bejgħ tal-imsemmi xorb.

    Jumejn wara nfurmatu li l-qliegħ kien se jkun ta' €20,000 u li għalhekk sehmu kien se jkun ta' €10,000. Fl-istess waqt offrietlu li jew tagħtih l-€10,000 u l-€2,400 li kien silifiha nkella seta jidħol sħab magħha fin-negozju.

    Eddegram aċċetta li jidħol sħab magħha biex jibda jesporta lejn pajjiżu u qablu li jġbu ħames kontejners xogħol li kienu se jiswew €80,000.

    Hija talbitu €50,000 bil-quddiem u waqt li qaltlu li l-kunsinna maħruġa mid-Dwana nbiegħet għal €43,000 riedet is-€7,000 ħalli jibgħatu l-merkanzija Ċipru.

    Eddegram għalhekk silifha s-€7,000 fejn taha €4,000 fuq ċekk maħruġ fuq ċertu Mario Azzopardi, l-imgħallem tiegħu, u €2,400 fi flus kontanti. B'kollox sostna li għaddilha €9,300.

    Sa Marzu 2015 il-ħames kontejners kienu għadhom ma waslux u meta kien jistaqsiha x'ġara minnhom kienet tgħidlu li maqbudin id-Dwana. Għalkemm wegħditu wkoll li tagħtih lura l-flus baqgħet ma tathomlux.

    Huwa kien anke taha ċekk ieħor biex tħallas lid-Dwana fejn ħallih vojt imma mbagħad sar jaf li minflok lid-Dwana kien tħallas ċertu Mario Calleja.

    Il-Pulizija interrogat lil Sciberras u eventwalment l-Ispettur Rennie Stivala ressaqha fil-Qorti tal-Maġistrati fejn akkużaha li f'Novembru 2014, u fil-ġimgħat u xhur ta' qabel, wettqet miżapproprjazzjoni ta' flus u frodi b'dannu għal Eddegrem.

    Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hija baqgħet tinsisti li mhux veru għaddilha €9,000 imma €6,490 u semmiet kif biċ-ċekk ta' €4,000 kienet ġabet xogħol minn Sqallija.

    Hija sostniet li l-ewwel flus li taha ma kienux fuq xogħol imma għaliha personali peress li kienet għaddejja minn żmien diffiċli u nsistiet li kienet l-intenzjoni tagħha li tħallsu lura.

    Wara li semgħet il-provi, l-imsemmija maġistrat irrimarkat li fil-kawża rriżulta li ma kienx hemm qbil dwar l-ammont u raġuni għaliex għaddew il-flejjes peress li hi qalet li l-flus kienu self mogħti lilha minnu u li għaddilha €4,000 għal ħwejjeġ u €2,000 għal hampers mentri hu qal li kien silifha €9,000 biex jinġiebu l-kontejners.

    Waqt li għamlitha ċara li hija ma temminx li Eddegram kien jaf fuq xiex intefqu l-flus, il-Maġistrat Frendo Dimech irrimarkat li huwa ma rnexxielux jipprova li għaddilha €9,000 imma €7,600.

    Hija ikkonkludiet li mill-provi ma jidhirx li Sciberras kellha l-intenzjoni li tqarraq bih u għalhekk ma sabitux ħati ta' frodi imma ta' miżapproprjazzjoni ta' flus u waqt li rrimarkat kif minħabba s-sitwazzjoni prekarja tagħha Sciberras mhux mistennija tħallsu,  ikkundannata tliet snin ħabs.