Ordni lid-Dwana biex jinqerdu ‘mobile phone covers’ tal-Barcelona

    L-Imħallef Mark Chetcuti ta 90 jum ċans lid-Dwana biex teqred 1,320 'mobile phone cover' bl-arma tal-klabb tal-futbol Spanjol, Barcelona, għax irriżulta li dawn ma kienux ġenwini.

    Kien l-Avukat Peter Fenech, bħala mandatarju tal-Futbol Club Barcelona, li fetaħ il-kawża fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija Libjana Al Ryada Maritime Company.

    Kien fil-25 ta' Lulju 2017 li l-Avukat Fenech kien infurmat mill-Kontrollur tad-Dwana li waqt skrutinju fil-Port Ħieles ġo wieħed mill-kontejners abbord il-vapur CMA CGM Titan kienu nstabu l-'mobile phone covers' bl-arma tal-imsemmi klabb.

    Mill-analiżi li saru fuqhom irriżulta li dawn ma kienux oriġinali tal-klabb Spanjol imma kopji u għalhekk l-imsemmi mħallef laqa' it-talba biex jinqerdu ħalli ma jispiċċawx fis-suq.