Kawża b'rabta ma' Daphne posposta għax xhud marid

    Il-kawża li l-familja ta' Daphne Caruana Galizia fetħet fil-Qorti biex wieħed mill-pulizija li qed jinvestiga l-qtil tagħha ma jibqax fit-tim investigattiv ġiet posposta għal data oħra wara li l-istess pulizija ma setax jitla' jixhed peress li ma jiflaħx.

    Peter Caruana Galizia u wliedu Matthew, Andrew u Paul fetħu l-kawża fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali u l-Assistent Kummissarju Silvio Valletta.

    Fiha qed jitolbu li Valleta ma jibqax jinvestiga l-każ peress li huwa miżżewweġ lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u Caruana Galizia kienet semmithom fil-kitbiet tagħha.

    L-Imħallef Silvio Meli, li qed jisma' il-kawża, xejn ma kien kuntent meta daħal fl-awla u ġie nfurmat li Valletta - ix-xhud uniku f'din il-kawża – kien ma jiflaħx.

    Huwa sostna li dan il-fatt, jiġifieri li ma kienx infurmat qabel, kien nuqqas ta' rispett lejn il-Qorti waqt li talab biex fis-seduta li jmiss l-imsemmi uffiċjali tal-Pulizija jġib ċertifikat mediku.

    Minbarra r-raġel ta' Caruana Galizia fl-awla kien hemm ukoll l-avukati tal-familja Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi kif ukoll l-Avukat Victoria Buttigieg mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.