Filmat juri lill-attakkant ta' Arsenal Alex Iwobi jiddeverti fis-sigħat bikrin qabel il-partita tal-FA Cup

    L-attakkant ta' Arsenal, Alex Iwobi, jinsab taħt kritika ħarxa mill-partitarji wara li ntwera filmat fil-media soċjali, fejn jidher qed jiddeverti f'festin fejn kienet qed tintuża d-droga, fis-sigħat bikrin qabel il-konfront tal-FA Cup, fejn il-Gunners sfaw eliminati b'sorpriża mill-FA Cup.

    Il-player internazzjonali Niġerjan ta' 21 sena li għandu salarju ta' £30,000 fil-ġimgħa jidher qed jiżfen u jwerżaq matul il-lejl f'apartament f'Soho.  L-għada huwa lagħab mal-Gunners, f'konfront tat-tielet round tal-FA Cup, fit-telfa ta' 4-2 kontra team taċ-Championship Nottingham Forest.

    Partitarji tal-Gunners kitbu fuq il-media soċjali li Iwobi messu kien rieqed dak il-ħin u li ma jixraqlux jilbes il-flokk tal-club tagħhom.  Il-festin żamm lir-residenti tal-madwar mqajmin sas-sigħat bikrin ta' filgħodu.  Il-partitarji qed jitolbu lill-coach Arsene Wenger biex jissospendi lil Iwobi għal imġieba xejn dekoruża tiegħu.  

    Kelliem għal club rrifjuta li jikkummenta dwar dan il-każ.