L-għalliema b'żieda minn dan ix-xahar … “Ftehim li se jwassal għal żidiet ta’ madwar 25% fil-pagi”

    L-għalliema se jibdew jaraw iż-żieda fis-salarju tagħhom minn dan ix-xahar.” Hekk saħaq il-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici ma’ dan il-ġurnal ilbieraħ.

    Il-President Bonnici sostna li l-ftehim huwa effettiv mill-ewwel ta’ Jannar, però biex jieħdu ż-żieda, iridu jkunu nħadmu s-sigħat ta’ dan ix-xahar, u jekk le, spjega li dawn jiħduha b’lura mal-paga tax-xahar ta’ wara.

    Din iż-żieda waslet wara tliet xhur ta’ negozjati fis-sena li għaddiet mill-għalliema, il-Gvern u l-MUT, fejn ġie ffirmat il-ftehim settorjali għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja li fost l-oħrajn se jwassal għal żidiet ta’ madwar 25% fil-pagi.

    Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri kien tenna li minbarra t-titjib fil-pakkett finanzjarju, il-ftehim se joffri lill-għalliema kollha opportunità li javvanzaw fil-professjoni f’iqsar żmien, fond ġdid ta’ riżorsi għas-suġġetti li jgħallmu, titjib fil-kundizzjonijiet, u bidliet fis-sistema edukattiva fosthom b’sillabi ġod- da.

    Dr Fabri kien spjega li l-ftehim se jwassal biex l-istudenti jkollhom ħamsin siegħa aktar ta’ tagħlim fis-sena skolastika u biex is-sistema edukattiva tkun adattata għal-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż.