Bażijiet Russi fis-Sirja fil-mira ta' attakki b'drones armati bi splussivi

    Bażijiet Russi fis-Sirja kienu fil-mira ta’ sensiela ta’ attakki misterjużi – fosthom minn numru ta’ drones armati – bil-mexxejja militari ma jafux min huwa responsabbli ta’ dawn l-attakki.

    L-aħħar u l-aktar attakk insolitu kien jinvolvi lil madwar 10 drones bi splussivi jattakkaw il-bażi militari Russa f’Khmeimim. Din il-bażi sservi wkoll bħala l-kwartieri għall-militar Russu fil-provinċja Sirjana ta’ Latakia. Seħħew ukoll tliet attakki fuq il-bażi navali Russa f’Tartus.

    Dawn l-inċidenti qed iqajmu dubji dwar il-kummenti tal-President Russu Vladimir Putin li bl-għajnuna militari Russa il-President Sirjan Bashar al-Assad kien għeleb lir-ribelli fi gwerra ċivili li damet għaddejja sitt snin.

    Il-Ministeru Russu għad-Difiża qal li l-militar irnexxielu jieħu taħt il-kontroll tiegħu lil tlieta minn dawn id-drones. Seba’ drones oħrajn twaqqgħu, bi tlieta oħrajn jisplodu hekk kif twaqqgħu matul l-attakk li seħħ nhar il-5 ta’ Jannar li għadda.

    Il-Ministeru żied jgħid li ma kien hemm l-ebda vittmi f’dan l-attakk, u l-bażi ma sofriet l-ebda dannu. Stqarrija maħruġa mill-Ministeru kompliet tgħid li din kienet l-ewwel darba li t-terroristi kienu użaw numru ta’ drones b’portata ta’ aktar minn 50 kilometru bl-użu ta’ tagħmir tal-GPS modern.