Il-Maltin qed iħossu titjib qawwi fis-servizzi pubbliċi

    L-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, l-Eurofound, għadha kemm ippubblikat l-ewwel riżultati ta’ stħarriġ li għamlet madwar il-pajjiżi kollha tal-UE fl-2016. Dan l-istħarriġ jindika li l-Maltin huma t-tieni nazzjon, wara l-Lussemburgu, fejn jidħol sodisfazzjon dwar l-istat tal-ekonomija. Dan ir-riżultat huwa simili għal dawk li jirriżultaw minn stħarriġ simili, fosthom il-Eurobarometer.

    72% tal-Maltin huma ottimisti fuq il-futur tagħhom, u 77% huma ottimisti dwar il-futur ta’ wliedhom. Il-Maltin huma l-anqas fl-UE li huma inkwetati li jitilfu l-impjieg, b’5% biss li esprimew dan l-inkwiet. Dan meta ħames snin ilu l-ammont ta’ persuni inkwetati li jitilfu l-impjieg tagħhom kien id-doppju ta’ dak li hu bħalissa.

    L-istħarriġ tal-Eurofound jindika li f’pajjiżna hawn l-ogħla livell ta’ sodisfazzjon fejn jidħol is-servizz taċ-childcare, kif ukoll is-servizzi għall-kura tal-anzjani. Barra minn hekkl-istħarriġ jindika li fl-aħħar ħames snin kien innutat titjib kbir fil-kwalità ta’ servizzi pubbliċi f’pajjiżna, fosthom fis-sistema tas-saħħa, tat-trasport pubbliku, u l-housing soċjali. B’riżultat ta’ dan it-titjib, is-sodisfazzjon fir-rigward tas-servizzi pubbliċi f’Malta huwa r-raba’ l-ogħla fl-UE.

    Skont l-istħarriġ tal-Eurofound, il-Gvern Malti huwa r-raba’ Gvern l-aktar fdat madwar l-Ewropa, b’żieda qawwija fil-livell ta’ fiduċja fl-aħħar ħames snin.  B’kuntrast skont il-Eurofound bejn l-2007 u l-2012 il-fiduċja fil-Gvern min-naħa tal-poplu kienet naqset sostanzjalment.  

    Dawn ir-riżultati jikkonfermaw kif il-qagħda ekonomika tajba ta’ pajjiżna qed twassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna. It-titjib fit-tkabbir ekonomiku u fil-finanzi tal-Gvern qed jippermetti żieda fl-investiment pubbliku li qed twassal għal aktar servizzi pubbliċi u titjib akbar f’dawn eżistenti. Filwaqt li jilqa’ dawn ir-riżultati, l-Gvern huwa kommess li jkompli programm ta’ ħidma li ser iwassal għal futur ferm aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin.