Jitlesta r-restawr ta’ orgni prezzjuż fil-Knisja tal-Vitorja

    Tlesta r-restawr fuq orgni prezzjuż u rari li jinsab fil-Knisja tal-Vitorja l-Belt Valletta. Dan ir-restawr li kien fdat f’idejn l-għaqda Din l-Art Ħelwa li seta’ jsir possibbli bis-sapport finanzjarju tal-grupp Eden Leisure li b’passjoni liema bħalha, nhar it-Tlieta 5 ta’ Diċembru, rritornaw l-istrument lura fil-knisja irrestawrat u lest minn kollox biex jitgawda mill-pubbliku.

    L-orgni storiku 18C positivo hu magħmul minn 271 pajp u kien miżmum qawwi u sħiħ mill-Kumitat ta’ Riġenerazzjoni tal-Belt Valletta li organizza r-restawr tal-knisja tal-Vitorja.

    Ir-restawratur Robert Buhagiar għaqqad il-partijiet kollha flimkien tal-orgni biex seta’ jinstema jdoqq dak il-ħoss oriġinali tiegħu li ħadna lura fis-seklu 18. 

    Għal din l-okkażjoni ta’ inawgurazzjoni ttella’ kunċert nhar it-Tlieta 5 ta’ Diċembru fl-okkażjoni wkoll tal-Festival Internazzjonali Malti tal-Orgni. L-organista Hugo Agius Muscat li daqq kemm il-darba personalment fuq l-istess orgni fl-aqwa żmien tiegħu, kien wieħed minn dawk li ħa sehem f’din il-lejla ta’ inawgurazzjoni li kien akkumpanjat minn Joseph Lia. 

    Il-programm kien wieħed vast u speċjali fejn indaqqew siltiet mill-kompożituri barranin Corelli, Bach, Zipoli, Durante, Oxinagas u Caccini kif ukoll u tal-kompożituri Maltin Grech, Galea u Azzopardi.