De Marco jistaqsi x'jiġri f'każ ta' 'slowdown' fl-ekonomija

    Id-deputat Nazzjonalista Mario De Marco staqsa lill-Gvern x'se jiġri u x'se jagħmel jekk ikollna 'slowdown' fl-ekonomija.

    Huwa għamel din it-talba lill-Gvern waqt is-seduta parlamentari li fiha komplew jiġu diskussi l-abbozz ta' liġi li jimplimenta l-estimi tal-Baġit 2018.

    De Marco irrikonoxxa li pajjiżna jinsab għaddej minn mument ekonomiku tajjeb imma sostna li anke l-qagħda ekonomika internazzjonali hija b'saħħitha.

    Huwa semma kif il-prezz taż-żejt huwa nofs dak li kien ftit tas-snin ilu, diversi setturi qed jikbru grazzi għall-viżjoni li kellu l-pajjiż fil-passat u qed ingawdu fondi mill-UE.

    Id-deputat Nazzjonalista sostna li jgħid x'jgħid il-Gvern żgur li mhux riżultat tal-inizjattiva li ħa waħdu fl-aħħar ħames snin imma grazzi għall-pedament li nbena biex seta kellna dan is-suċċess ekonomiku.

    de Marco żied li l-klima pożittiva li hawn qed tgħin biex ir-rota ta' pajjiżna qed ddur imma sostna li dan grazzi għal min mexxa l-ekonomija fi żmien diffiċli.

    Fl-istess waqt huwa qal li rridu nantiċipaw li għada pitgħada l-ekonomija globali tista' tmajna u tidħol f'riċessjoni u wissa li d-dħul li qed jagħmel il-Gvern illum mhux garantit.

    L-eks-Viċi-Kap tal-PN iddeskriva wkoll il-Baġit 2018 bħala wieħed li fih diversi opportunitajiet mitlufa f'diversi oqsma fosthom fl-edukazzjoni, in-negozju, l-ambjent u l-finanzi pubbliċi.