Azzjoni immedjata ta’ Uffiċjali Korrettivi jsalvaw tifla minn xi diżgrazzja

    Nhar it-Tlieta li għadda għall-ħabta tas-6:45pm familjari ta’ priġunier kienu qed jistennewh barra l-bini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara li skonta sentenza ta’ priġunerija. Fost il-familjari kien hemm tifla ta’ madwar 3 snin li aktarx tiġi n-neputija tal-priġunier inkwistjoni, din it-tifla kienet qed taġixxi b’mod stramb u deher li taha aċċessjoni. 

    Uffiċjal Korrettiv li dak il-ħin kien fil-gate house ra x’kien qed jiġi u intervjena minnufih billi għamel kuntatt ma’ xi kollegi tiegħu u ħa lit-tifla fl-MI room tal-Faċilità sabiex ituha l-ewwel assistenza. Sakemm waslet l-ambulanza jidher li t-tifla kienet tinsab ħafna aħjar, iżda xorta waħda ttieħdet l-isptar għal aktar osservazzjonijiet.

    Waqt il-qadi ta’ dmirijiethom l-Uffiċjali Korrettivi jkollhom diversi interventi ta’ natura soċjali, kemm ma’ priġunieri, kif ukoll ma familjari tagħhom. Sfortunatament ftit li xejn jiġu rapportati dawn it-tip ta’ każijiet, anzi ħafna drabi jiġu rrapportati biss aħbarijiet negattivi li mhux l-ewwel darba li eventwalment jirriżulta li kienu allegazzjonijiet infondati.