Il-Ministru Joe Mizzi jiltaqa’ ma’ Streamcast Technologies Inc.

    Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma Joe Mizzi, flimkien mal-management ta’ Enemalta plc, iltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-kumpanija Streamcast Technologies Inc. li se tkun qed twettaq investiment li għandu potenzjal li jilħaq madwar €75 miljun f’Malta.

    Fil-ġranet li għaddew, Streamcast Technologies Inc. iffirmat ftehim li permezz tiegħu se tkun qed tinvesti fil-qasam tal-global data centre market, investiment li se jibda bl-iżvilupp ta’ data hub taħt l-art fil-faċilitajiet ta’ Enemalta plc fil-Marsa.

    Matul il-laqgħa, il-Ministru Mizzi qal li se jkun qed joffri kull assistenza neċessarja lill-kumpanija, li saħqet l-intenzjonijiet tagħha relatati kemm ma’ dan il-proġett, kif ukoll ma’ possibiltajiet oħrajn fil-futur.

    Rappreżentanti tal-kumpanija qalu li kienu tassew kuntenti bis-sit offrut għall-proġett, speċifikament minħabba li l-faċilitajiet taħt l-art joffru temperaturi baxxi u stabbli, li huma essenzjali għal dan it-tip ta’ xogħol.

    Ir-rappreżentanti żiedu jgħidu li l-iżvilupp se jibda permezz ta’ proġett pilota bi pjan li jitlesta sa kmieni s-sena d-dieħla. Dan il-proġett pilota ser iservi sabiex jiġu studjati, kkunsidrati u ffinalizzati pjanijiet dettaljati għal aktar investimenti simili ma’ Enemalta plc fiż-żmien li ġej.