Chris Cardona: “Riżultati ekonomiċi eċċellenti li qed igawdi minnhom kulħadd”

    “Pajjiżna għandu magna ekonomika b’saħħitha li qed tagħti l-frott li qed jiġi mqassam bejn kulħadd.” Sostna dan il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona lbieraħ b’reazzjoni għar-riżultat li pajjiżna rreġistra l-ikbar rata’ ta’ tkabbir ekonomiku qatt irreġistrat fit-tielet kwart tas-sena.

    Il-Ministru Cardona qal li l-ekonomija Maltija sejra tajjeb, u minn  tajjeb sejra għall-aħjar. Saħaq li l-poplu m’għadux jibża li se jitlef ix-xogħol taħt dan il-gvern.

    Saħaq kif dan huwa riżultat kollettiv ta’ pajjiż, fejn il-ħaddiema, il-familji, in-negozji u l-intraprendituri ħadnu l-istrateġija ekonomika tal-Gvern. Il-Ministru fakkar kif dawn ir-riżultati nkisbu f’sena li fiha seħħet elezzjoni ġenerali u meta l-Opożizzjoni sistematikament intensifikat l-attakki irresponsabbli fuq diversi setturi kruċjali tal-ekonomija tagħna.

    Il-Ministru Cardona żied jispjega li l-kobor tal-ekonomija joħroġ mill-fatt li l-ebda settur mhu qiegħed jaqa’ lura, b’mod partikolari, is-settur tal-manifattura jibqa’ wieħed ċentrali biex inkomplu nsostnu t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna, hekk kif jikkontribwixxi aktar minn 11% tal-impjiegi full-time. Tenna li l-Gross Value Added (GVA) iġġenerat fl-2017 minn dan is-settur żdied bi 8.2%, tkabbir li huwa ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

    Il-Ministru Cardona sostna kif, tuża liema kejl tuża tibqa’, kwalunkwe persuna jasal għall-konklużjoni li l-ekonomija Maltija sejra mit-tajjeb għall-aħjar. Numru ta’ oqsma għaddejjin b’ritmu b’saħħtu u dan huwa kkumplimentat bil-fiduċja u l-ottimiżmu tal-pubbliku għall-futur.

    Il-Ministru ħabbar li dan il-gvern diġa beda jaħdem fuq baġit għas-sena d-dieħla bi proġetti fuq setturi ġodda mhux biss fl-Ewropa iżda wkoll fid-dinja. Saħaq li dawn il-proġetti se jinvolvu ħafna lill-gżira Għawdxija.

    Mistoqsi minna jispeċifika dwar dawn il-proġetti li se jinħolqu matul is-sena d-dieħla, l-Ministru Cardona għalkemm ma żvela l-ebda informazzjoni saħaq li b’dawn il-proġetti f’setturi innovattivi żgur se jinħolqu għadd ta’ impjiegi.

    Il-Ministru temm bili qal li Malta mhux xi pajjiż tal-bailouts jew tal-bozoz ħomor, iżda l-akbar pajjiż fl-Ewropa li jinsab taħt Gvern li jieħu l-aqwa deċiżjonijiet biex inkunu l-aqwa fid-dinja.