“Huwa d-dmir nazzjonali tal-irġiel li jistupraw nisa b'jeans issikkat u mqatta'” … Avukat Eġizzjan jeħel tliet snin ħabs

    Avukat Eġizzjan intbagħat tliet snin ħabs wara li f’kummenti mill-aktar kundannabbli saħaq li huwa “d-dmir nazzjonali tal-irġiel” li jistupraw lil nisa li jkunu lebsin par jeans issikkati u mqattgħin.

    Nabih al-Wahsh qal li ladarba tilbes tali par jeans, allura jkun jistħoqqilha li tkun attakkata u ffastidjata sesswalment.

    Huwa għamel dawn il-kummenti f’intervent fuq programm televiżiv li qajjem rabja kbira, bil-prosekutur tal-istat jirċievi numru kbir ta’ lmenti tant li kellu jiftaħ inkjesta fil-konfront tiegħu.

    Il-prosekuzzjoni eventwalment akkużatu li b’diskorsu kien qed jinċita lin-nies biex jiksru l-liġi , filwaqt li għamel dikjarazzjonijiet li kisru l-ordni pubblika u għanlu ħsara lill-interess pubbliku.

    Wahsh instab ħati nhar is-Sibt li għadda ‘in absentia’ hekk kif ma telax għas-smigħ tal-każ wara li ġie rilaxxat fuq bail. Madankollu huwa għadu fiċ-ċans li jappella mis-sentenza.