“Schumacher għadu qed jissielet għal ħajtu”

    L-eks-maniġer tat-tim tal-Formula Wieħed Ferrari, Jean Todt, żvela kif is-sewwieq leġġendarju Michael Schumacher għadu qed jissielet għal ħajtu wara li inċident fl-Alpi Franċiżi kien ħallih ipparalizzat. Huwa mifhum ukoll li sal-lum il-ġurnata Schumacher lanqas ma jista’ jitkellem.

    Todt, li llum il-ġurnata jokkupa l-kariga ta’ President tal-Automobil Federation (FIA), ta diskors kommoventi dwar Schumacher, li rebaħ it-titlu tas-sewwieqa għal seba’ darbiet. Dan wara li f’ċerimonja li żvolġiet nhar it-Tnejn li għadda isem Schumacher iddaħħal fil-Hall of Fame ta’ dan l-isport tant segwit.

    Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm il-maniġer ta’ Schumacher, Sabine Kehm, li qalet li tinsab ċerta li Schumacher kien ikun għal qalbu mdawwar minn sewwieqa leġġendarji oħrajn li kitbu l-istorja tal-Formula Wieħed.

    Fl-inċident fl-Alpi Franċiżi f’Diċembru tal-2013, Schumacher sofra ġrieħi serji f’rasu wara li waqa’ u laqat ġebla. It-tobba saħansitra kienu qalu li Schumacher kien imut kieku ma kienx liebes l-ilbies protettiv f’rasu.