L-UE bl-ewwel lista ta' tax havens li tinkludi 17-il pajjiż

    L-Unjoni Ewropea ppubblikat lista sewda ta’ tax havens li tinkludi 17-il territorju, fosthom il-Korae t’Isfel, Saint Lucia u Barbados.

    Din il-lista kienet ippubblikata wara dak żvelat fil-Panama Papers u l-Paradise Papers, li juri kif kumpaniji u individwi kienu qed jaħħbu ġidhom mill-awtoritajiet tat-taxxa f’kontijiet offshore.

    Il-Kummissarju għat-Taxxa tal-Unjoni Ewropea, Pierre Poscovici, qal li din il-lista tirrappreżenta progress sinjifikanti fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.

    Biex ġie determinat jekk pajjiż jitqiesx bħala ġurisdizzjoni li tikkopera jew le mal-awtoritajiet tat-taxxa, l-indiċi tal-Unjoni Ewropea jikkunsidra bosta fatturi fothom it-trasparenza tar-reġim tat-taxxa li jħaddan, ir-rati tat-taxxa, u jekk is-sistema tat-taxxa mħaddna tinkoraġġixxix lil kumpaniji biex iċaqalqu l-profitti tagħhom f’reġimi ta’ taxxa baxxa biex jevitaw milli jħallsu taxxi aktar għoljin fi stati oħrajn.

    Il-lista tinkludi lil dawn is-17-il territorju: American Samoa, Bahrain, Barbados, Grenada, Guam, il-Korea t'Isfel, Macau, il-Gżejjer Marshall, il-Mongolja, Namibia, Palau, Panama, Saint Lucia, Samoa, Trinidad and Tobago, it-Tuneżija, u l-Emirati Għarab Magħqudin.