Iċ-Cisk Pilsner fil-lista Spanjola tal-“Aqwa birer fid-dinja”

    Wara l-wirja prestiġjuża fil-World Beer Awards 2017, kmieni din is-sena, li fiha ċ-Cisk Pilsner kienet ivvutata bħala l-World’s Best Czech Style Pale Lager, iċ-Cisk Pilsner qed tidher ukoll fil-lista tal-‘Aqwa 25 Birra fid-Dinja tal-World Beer Awards 2017’, ippubblikata mis-sit elettroniku Spanjol bonviveur.es.

    Is-sit, li hu segwit ħafna minn dawk intiżi fil-gastronomija, għandu l-għan li jipprovdi lill-qarrejja Spanjoli aħbarijiet fuq prodotti tal-ikel u x-xorb u li joffri gwida fuq restoranti ghall-‘bon vivant’. 

    Il-World Beer Awards huma deskritti minn dan il-portal bħala l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tal-birra fid-dinja. Meta rebħet dan l-unur, il-birra Cisk Pilsner, li oriġinarjament bdiet issir mill-Birrerija Farsons lejn tmiem l-erbgħinijiet u reġgħet tnediet fis-suq is-sena li għaddiet, għelbet 18-il pajjiż, inkluż ir-Repubblika Ċeka nnifisha.

    Is-Sur Michael Farrugia, Chief Business Development Officer ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qal li, “Ċertifikat fil-mezzi tax-xandir internazzjonali bħalma hu dan, ikompli jsaħħilna l-konvinzjoni li l-birer tagħna huma tal-aqwa kwalità u li għandhom potenzjal internazzjonali. Dan il-premju mill-World Beers Awards hu biss wieħed mill-unuri li kisbu l-birer tagħna fl-2017. Ksibna rizultati wkoll tajbin fl-International Beer Awards tal-Awstralja, fl-International Beer Challenge u, dan l-aħħar, fil-Brussels Beer Challenge.” 

    Iċ-Cisk Pilsner hija Pilsner mill-aqwa li tgħaqqad it-tradizzjoni ta’ eċċellenza u l-passjoni tal-mod kif issir il-birra mal-ifjen kwalità tax-xgħir Pilsen u l-hops Noble tal-varjetà Saaz. Iċ-Cisk Pilsner għandha kontenut alkoħoliku ta’ 5.5%, hija birra tassew rikka fil-hops, il-wiċċ tagħha huwa konsistenti fir-ragħwa, u għandha togħma morra-delikata u aroma superjuri bis-saħħa taż-żjut essenzjali tal-hops tat-tip Noble.

    Fil-portafoll taċ-Cisk hemm il-birra ewlenija rebbieħa Cisk Lager, kif ukoll iċ-Cisk Pilsner, iċ-Cisk Excel, iċ-Cisk Export, iċ-Cisk Strong u l-għażla taċ-Cisk Chill. Il-birer Cisk huma magħmula, imqassma fil-ħwienet u rreklamati mill-Birrerija Farsons.