Inġustizzji!

    Tul il-kampanja elettorali l-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq għal iktar minn darba li gvern ġdid irid isewwi l-inġustizzji mingħajr ma joħloq oħrajn ġodda. Naqblu miegħu perfettament. Mhux biss għaliex bħalu nemmnu li pajjiżna jrid jimxi ‘l quddiem fl-għaqda, taħt l-għajta ta’ Malta Tagħna Lkoll. Iżda wkoll għax l-inġustizzji li jridu jispiċċaw imorru lil hinn minn kwistjonijiet politiċi.

    Jeżistu ħafna inġustizzji li kull ma jkunu jridu hu deċiżjoni politika jew amministrattiva li permezz tagħha ċ-ċittadini jieħdu dak li ħaqqhom.

    Illum insemmu każ wieħed biss li għandu bżonn soluzzjoni. Nifhmu li dawn mhux affarijiet li jsiru mil-lum għal għada, għax il-gvern irid isib saqajh. Peró se nkunu qegħdin insusu biex jissolva kemm jista’ jkun malajr. Kemm jista’ jkun malajr, għaliex kull jum li jgħaddi huwa jum mitluf għal din il-familja li għandha wild. Qegħdin nirreferu għal każ tal-familja Buckland li issa jmur lura iktar minn għaxar snin.

    Fis-sebgħa ta’ Ġunju tal-2002, il-‘maisonette’ tal-familja Buckland triegħed kawża ta’ splużjoni li nħolqot minn manifattura tal-logħob tan-nar illegali fil-garaxx ta’ taħthom. F’Diċembru 2006 il-qorti kienet iddeċidiet li ċertu Edgar Grima, il-persuna responsabbli ta’ dan l-inċident, kellu jħallas kumpens lill-familja Buckland. Dan minbarra li weħel sentejn ħabs sospiżi.

    Illum iktar minn għaxar snin wara dik li setgħet kienet traġedja kbira u sitt snin wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-familja Buckland ma ħaditx ċenteżmu wieħed f’kumpens. Anke jekk kawża tal-ħsarat estensivi li ġarrab il-‘maisonette’ tagħhom kellhom joħorġu barra minn darhom.

    Din ir-realtà żviluppat minħabba diversi toqob fil-liġi… bħal meta Grima tħalla jneħħi minn fuq ismu garaxx suppost maqbud b’subbasta. Dan biex wara argumenta li ma kellux minn fejn iħallas.

    Saħansitra l-familja ntalbet tħallas spejjeż ta’ kawża li rebħet peress li Grima ma kellux minn fejn. Lanqas il-burokrazija ma għenithom għax lill-familja Buckland qalulha li ma tistax tibbenefika mill-fond għall-vittmi tal-kriminalità mniedi fl-2006. Ir-raġuni li tawha kien li l-inċident ġara qabel il-liġi daħlet fis-seħħ. Iżda, minn stħarriġ ta’ inewsmalta.com irriżulta li kien hemm każi fejn dan seħħ. Fosthom f’każi magħrufa fejn il-benefiċarji kienu persuni qrib il-gvern preċedenti.

    Meta xhur ilu intervistajna lill-familja Buckland kienet ħasditna d-dikjarazzjoni ta’ Sabrina Buckland li qalet li huma ma jħossuhomx Maltin għaliex isibuha diffiċli jaraw lill-poplu anke jgħin lill-barranin u huma baqgħu jkunu injorati għal sena wara sena.

    Nemmnu li gvern ġdid għandu jaġixxi kemm jista’ jkun malajr biex Malta tkun ta’ din il-famija ukoll. Bħal dawn il-każi hemm bosta oħrajn u huwa dmir tagħna li ma nieqfux nagħmlu pressjoni dwarhom qabel naraw li ssir ġustizzja. Dan nagħmluh ikun hemm min ikun hemm fit-tmexxija tal-pajjiż.

    Hawn taħt tista' ssegwi intervista mal-Familja Buckland f'Lulju 2012.