Ħalliel jorbot żewġ anzjani fir-residenza tagħhom f'Ħal Tarxien … Jaħrab mingħajr ma jisraq xejn

    Żewġ anzjani, raġel ta’ 70 sena u mara ta’ 69 sena, sfaw il-vittmi ta’ ħalliel li wara li daħal fir-residenza tagħhom rabathom. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 a.m. fi Triq Sqajjaq f’Ħal Tarxien.

    Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija jirriżulta li l-ħalliel, raġel li ma ġiex identifikat, daħal fir-residenza waqt li ġewwa kien hemm il-koppja anzjana. Il-vittmi qed jallegaw li l-ħalliel, li kellu wiċċu mgħammad u anke kellu arma li taqta’ u bil-ponta, rabathom sabiex ma jiċċaqalqux.

    Jidher li l-ħalliel ħarab minn fuq il-post mingħajr ma seraq xejn. L-anzjani ttieħdu l-Isptar Mater Dei fejn aktar tard kienu ċċertifikati li kienu qed isofru minn ġrieħi gravi.

    L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.