Tfajla Maltija-Russa b'diżabilità se tingħata ċ-ċittadinanza

    Tfajla Maltija-Russa li għandha 25 sena se tkun tista' tieħu ċ-ċittadinanza Maltija grazzi għal bidla li l-Gvern qed jipproponi fil-liġi dwar iċ-ċittadinanza.
     
    Sal-lum il-liġi, li tmur lura 52 sena, ma tippermettix li pesuna b'diżabilita mentali tingħata ċ-ċittadinanza.

    Dan wassal biex Elizaveta Spiteri, li ilha bi problemi mentali mindu kellha tliet snin kawża ta' inċident, ma ngħatatx iċ-ċittadinanza Maltija anke meta ommha fetħet kawża fil-Qorti.

    Spiteri, li ommha hija Russa mentri missierha huwa Malti, mistennija tingħata ċ-ċittadinanza Maltija wara emenda fil-liġi taċ-ċittadinanza li qed tipproponi s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.

    L-emenda qed tipproponi li titneħħa n-neċessita li biex persuna tieħu ċ-ċittadinanza "ma tkunx ta' moħħ marid" kif tgħid il-liġi.

    Farrugia Portelli rrimarkat fil-Parlament li anke jekk din l-emenda se tolqot numru żgħir ta' nies il-Gvern qed ikompli jagħmel is-soċjeta aktar inklussiva u jkompli jagħti aktar dinjita lill-persuni b'diżabilita.

    Il-kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar is-saħħa Stephen Spiteri qal li huma jaqblu ma' din l-emenda u iddeskriviha bħala pass kbir biex insaħħu l-ugwaljanza.