Ritratti ta' sħab iqanqal biża' ta' tromba tal-arja

    Għadd ta’ ritratti li kienu ppubblikati fuq il-midja soċjali, b’mod partikolari fuq il-paġna “The Weather Page Malta” qajmu tħassib fost bosta li seta’ l-irjieħat qawwijin u t-tromba li għamlet ħerba fil-Mosta kienu se jerġgħu jimmanisfestaw ruħhom.

    F’ritratt minnhom, il-forma tas-sħab wassal biex bosta ħasbu li setgħet tifforma tromba tal-arja kbira.

    Sadanittant il-maltemp li laqat lil pajjiżna lbieraħ filgħaxija wassal biex numru ta’ karozzi sofrew ħsarat estensivi wara li ċeda ħajt kaġun tal-irjieħat qawwijin. Saħansitra parti mis-saqaf tal-ħadid tas-supermarket Lidl inqala’ u wassal biex ħoloq paniku fost in-nies preżenti fl-istabbiliment dak il-ħin.

    Twissija ppubblikata mill-Uffiċċju Metereoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tgħid li f’xi waqtiet jaf ikun hemm maltemp b’xita f’xi waqtiet qawwija li taf tkun akkumpanjata bir-ragħad. Din it-twissija tibqa’ fis-seħħ sal-11.00 p.m.