Jinstabu oqbra tal-massa f’żona li kienet taħt il-kontroll tal-Istat Iżlamiku

    Oqbra tal-massa li fihom hemm madwar 400 persuna nstabu l-belt ta’ Hawija. Din hija belt Iraqqina li sa xahar ilu kienet għadha okkupata mill-militanti tal- Istat Iżlamiku. 

    Il-Gvernatur tal-provvinċja ta’ Kirkuk, Rakan Said, meta kien qiegħed jitkellem ma’ midja internazzjonali, qal li dawn l-oqbra tal-massa nstabu ftit ’il barra mill-belt imsemmija iktar kmieni sewwasew qrib bażi tal-ajru. 

    Uħud mill-vittmi jidher evidenti li kienu nies ċivili minħabba li dawn kienu lebsin ħwejjeġ normali. Oħrajn jidher li kienu nies li kienu kkundannati għall-mewt minħabba li dawn kienu lebsin il-jumpsuits li s-soltu jkunu mlibbsin il-priġunieri tal-IS. 

    Said qal li jidher ċar li din il-bażi ġiet mibdula f’żona ta’ eżekuzzjonijiet. Il-ġeneral Mortada al-Luwaibi qal li l-armata tal-Iraq sabet dawn l-oqbra tal-massa wara li ċittadini qalulhom bihom minħabba li dawn kienu raw l-attroċitajiet iseħħu quddiem għajnejhom. 

    Din mhix l-ewwel darba li l-forzi Iraqqini sabu oqbra tal-massa f’żoni li darba kienu okkupati mill-militanti tal-Istat Iżlamiku. Is-sena li għaddiet l-aġenzija tal- aħbarijiet Associated Press f’rapport li ppubblikat identifikat xejn inqas minn 72 qabar tal-massa. Huwa stmat li f’dawn l-oqbra kien hemm bejn 5,000 u 15,000 persuna.