Proġetti tal-arkitettura jiġu rikonoxxuti waqt it-tieni edizzjoni tal-Malta Architect Awards

    Għat-tieni sena konsekuttiva, l-Malta Architect Awards kienet vetrina għal xogħlijiet pendenti fil-professjoni tal-arkitettura u disinn interjuri. Ir-rebbieħa tal-awards ta' din is-sena tħabbru waqt ċerimonja speċjali li saret f'Villa Arrigo fin-Naxxar. L-inizjattiva tal-premjijiet, li saret b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-organizzaturi iMNG Ltd., raw żieda fis-sottomissjonijiet komparat mas-sena li għaddiet. Total ta' 44 proġett ikkompetew għal tmien kategoriji ta' għoti differenti. Ir-rebbieħa ġew magħżula minn ġurija magħmula minn professjonisti Maltin u barranin, mgħejjuna minn tim tekniku magħmul minn esperti fl-oqsma skond il-kategoriji.

    L-award għad-Disinn Innovattiv, Rijabilitazzjoni u Konservazzjoni ġie mogħti lill-Perit Karl Ebejer għas-soluzzjoni innovattiva tiegħu fil-bini ta' sular addizzjonali għal bini eżistenti fiż-żona ta' konservazzjoni urbana f’San Ġiljan.

    F'din l-istess kategorija, ingħata premju lill-Perit Edward Scerri għar-restawr ta' tliet knejjes fil-villaġġ tal-Għarb, Għawdex.

    Fil-kategorija għal Proġetti ta’ Disinn Urban, l-award ġie mogħti lill-Perit Edward Scerri għar-riġenerazzjoni sensittiva ta' pjazza fir-raħal ta' San Lawrenz, Għawdex.

    L-award għall-Arkitettura tad-Djar ingħata lill-Perit Christian Spiteri għall-mod kif proġett għal żvilupp residenzjali ġie ddisinjat u integrat fit-topografija tal-pajsaġġ fil-Madliena.

    F’din l-istess kategorija ġie mogħti wkoll premju speċjali  lill-Periti Ian Critien u Andrea Vassallo Cesareo għal residenza privata f'San Pawl tat-Tarġa.

    L-award fil-kategorija għall-Interior Design ġie mirbuħ mill- Perit Anthea Huber għax-xogħol tagħha fl-uffiċċini tal-Laboratorju ta’ Riċerka AAT f'San Gwann. Il-proġett wera l-ħila tad-disinjatur li joħloq sekwenza spazjali bil-għan li jkun hemm ambjent xieraq għall-impjegati l’hinn minn ambjent istituzzjonali. 

    Fl-istess kategorija ngħataw żewġ premjijiet; wieħed lill-Perit Ray Demicoli għad-disinn interjuri tal-Kwartieri Ġenerali ta' Vodafone f'Skyparks f'Ħal Luqa u ieħor lill-Periti Paula Agius Vadala u Katja Abela għall-post residenzjali f'Tas-Sliema.

     Dr Edwin Mintoff rebaħ l-award għall-Ospitalità, Akkomodazzjoni Turistika u Divertiment għall-konverżjoni f'lukanda tal-bini storiku magħruf bħala l-Maċina fl-Isla.  Il-proġett ta ħajja ġdida lill- bini militari storiku. Dan il-proġett jiżgura l-preservazzjoni tal-bini permezz ta' użu ekonomikament vijabbli.

    F'din il-kategorija ġie mogħti wkoll premju lill-Perit Victoria Farrugia Galea għall-bini residenzjali għal persuni rtirati f’Hilltop Gardens fin-Naxxar.

    L-award tal-kategorija dwar proġetti li jippromwovu Żvilupp Sostenibbli ngħata lill-Perit Roderick Camilleri u d-disinjatur Mario Cassar għaċ-Ċentru ta' Għarfien dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat. Dan il-proġett jikkonsisti f’bini edukattiv li jxerred l-għarfien u l-kuxjenza dwar il-ħtieġa tal-konservazzjoni tal-ilma.

    Il-Perit Steve Scicluna rebaħ l-award għal Periti Emerġenti għal residenza privata fl-Imsida. Dan il-proġett wera’ l-kapaċità tal-perit li jittrasforma l-ideat kunċettwali permezz ta’ disinni għal soluzzjonijiet spazjali tridimensjonali.

    F’din l-istess kategorija, l-Perit Alan Galea ngħata wkoll premju għal proġett ta' żvilupp ta' akkomodazzjoni fis-Swieqi u l-Periti Diane u Dirk Psaila ingħataw premju għal installazzjoni ta' KUBU fil-Belt Valletta.

    Ma ngħata’ l-ebda award għall-kategorija li tkopri bini kummerċjali.

    Għal aktar informazzjoni żur http://www.pa.org.mt/malta-architect-awards-2017