In-nies riedu bidla b’saħħa

    Fl-elezzjoni tad-9 ta’ Marzu n-nies riedu bidla u dan urewh b’saħħa kbira. B’hekk il-mandat ‘Malta Tagħna Lkoll’ għandu jfisser ukoll mhux biss bidla fid-direzzjoni, iżda bidla fin-nies li jmexxu l-ogħla karigi tal-pajjiż.

    Kienet tajba mmens d-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li fl-ewwel jum ta’ ħidma tiegħu ħaseb biex jinbeda proċess li jwassal biex jinbidel il-Kap taċ-Ċivil, Godwin Grima. Anke jekk ma kienx appuntat politikament (almenu fit-teorija), Godwin Grima huwa sinonimu mal-agħar deċiżjonijiet u l-arroganza ta’ amministrazzjoni preċedenti. Dan ngħiduh għax għandna każi f’idejna li rapportajna anke dwarhom.

    Iżda, daqstant ieħor kienet ħażina d-deċiżjoni li Dolores Cristina tkun maħtura Aġent President ta’ Malta. Dolores Cristina kienet parti integrali mill-gvern tal-klikka li fid-9 ta’ Marzu, b’vot massiċċ, il-poplu qallu daqshekk. Weġgħet in-nies bid-deċiżjonijiet tagħha. Mhux l-inqas bil-mod kif tmexxa l-każ tas-sospensjoni tal-fondi Ewropew u kif tliet persuni spiċċaw ikunu l-ħaruf tas-sagrifiċċju u vittma ta’ proċess li ma segwix il-proċess naturali tal-ġustizzja. Saħansitra, l-Ombudsman immarka dan f’rapport minn tiegħu li kien wieħed dettaljat għall-aħħar. Dan biex insemmu każ wieħed biss.

    L-istess nistgħu ngħidu dwar Television Malta. Nifhmu li kollox irid jieħu l-ħin tiegħu, iżda l-gvern m’għandux jiddejjaq jagħmel it-terremoti anke fl-istazzjon nazzjonali. Għaliex? Għax il-poplu ivvota għal dan. Żgur li l-mod ‘maħmuġ’ kif tmexxa l-istazzjon nazzjonali fl-aħħar snin kien waħda mir-raġunijiet li l-poplu għażel li jibdel.

    Il-gvern ta’ Joseph Muscat irid joqgħod attent. M’għandux iċedi għall-pressjoni ta’ esponenti nazzjonalisti li wara snin twal fejn għamlu Malta tagħhom biss issa jriduha tibqa’ hekk. L-għajta Malta Tagħna Lkoll għandha tfisser bidla kbira. Bidla kbira anke fin-nies li jirrappreżentawna u li neħilsu darba għal dejjem minn dawk li Malta għamluha biss tal-klikka. Nemmnu li Dolores Cristina kienet waħda minn dawn tal-aħħar u l-kariga ta' Aġent President ma tixirqiliex.