Il-ktieb tal-kampanja elettorali

    Il-kampanja elettorali li waslet għal ħatra ta’ gvern ġdid żgur li se tibqa’ ġġib ħafna memorji għal ħafna. Għal min huma memorji sbieħ mill-bidu sal-aħħar u għal min iħallu xi ftit ta’ diżappunt. Hu x’inhu dak li seħħ fl-aħħar disa’ ġimgħat huwa parti mill-istorja ta’ pajjiżna. Storja li se tkun iddokumentata permezz tar-ritratti fil-ktieb “Għażla ta’ Poplu” li se jkun għall-bejgħ fil-jiem li ġejjin. Fuq kollox din se tkun edizzjoni limitata hekk kif se jkunu elf biss il-koppji għal bejgħ. Kull kopja se jkollha numru.

    L-editur ta’ inewsmalta.com, Aleander Balzan, il-pubblikaturi ta’ dan il-ktieb, ikkummenta hekk: “Għalkemm aħna qegħdin fid-dinja ‘online’ ħsibna li għandna nfakkru din l-okażżjoni storika għal pajjiżna permezz ta’ pubblikazzjoni. Pubblikazzjoni limitata. Nista’ niżvela li se jkun hemm biss elf kopja għall-bejgħ u kull kopja se tkun innumerata. Dan għandu jżid il-valur ta’ din il-pubblikazzjoni li tiddokumenta, l-iktar permezz tar-ritratti, kull jum tal-kampanja elettorali.”

    Balzan żied jispjega li dan il-ktieb għandu jkun għand min tinteressah l-istorja politika ta’ pajjiżna jew il-partiti politiċi.

    “Mhux ktieb ta’ xi partit. Iżda, huwa l-ktieb tal-kampanja elettorali. Ġurnata b’ġuranta ddokumentajna dak li kien għaddej. Il-konferenza tal-aħbarijiet tal-famuż arloġġ, dik fejn Austin Gatt tkellem għall-ewwel dwar l-iskandlu taż-żejt, in-nies, il-qorti, ir-riżenja ta’ Joe Cordina, id-dibattiti kollha bejn il-mexxejja u tnedija tal-pjan laburista għall-enerġija kollha jsibu posthom f’dan il-ktieb. Iżda, mhux biss. Min se jqalleb il-folji ta’ dan il-ktieb se jgħix is-sittin jum tal-kampanja elettorali ġurnata b’ġurnata,” żied jgħid Balzan.

    Intant, min irid jordna kopja ta’ dan il-ktieb bil-quddiem jista’ jagħmel dan permezz ta’ imejl fuq editor@inewsmalta.com jew billi jibgħat ċekk ta’ €10 fuq: inewsmalta.com, A41, Industrial Estate, Marsa.