Il-PN b'rikors ukoll fuq it-tmien distrett

    Il-Partit Nazzjonalista talab, permezz ta rikors, lill-Qorti Kostituzzjonali biex b’urġenza tordna lill-Kummissjoni Elettorali terġa’ tibda mill-ġdid l-għadd tal-voti tat-tmien distrett elettorali.

    Il-Partit Nazzjonalista għamel din it-talba wara li rriżulta li pakkett ta’ 50 vot bl-ewwel preferenza għall-kandidat tal-PN Claudette Buttigieg, fuq it-tmien distrett elettorali, ġie kkunsidrat bħala pakkett ta’ voti ta’ Dr. Michael Asciak. Dan poġġa fi żvantaġġ lill-Partit Nazzjonalista fil-kisba tat-tielet siġġu elettorali fuq dan id-dsitrett, minhabba li wara li Asciak kien eliminat, dawn il-voti kienu se jintilfu kollha.

    Minħabba li l-iżball ittieħed f’counts li diġà kienu ingħalqu, l-għadd mill-ġdid jista’ jerġa’ jinfetaħ biss b’ordni tal-Qorti Kostituzzjonali lill-Kummissjoni Elettorali.

    Huwa għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ressaq it-talba tiegħu lill-Qorti Kostituzzjonali biex tiddeċiedi b’urġenza.

    Il-Partit Nazzjonalista talab ukoll li jerġgħu jinfetħu l-voti tad-distrett ta' Għawdex. F’Għawdex 10 voti tal-Kandidat tal-Partit Nazzjonalita Paul Buttigieg intilfu u r-riżultat wassal biex il-Partit Nazzjonalista tilef it-tielet siġġu f’Għawdex b’9 voti.