32,494 votant jagħtu l-ewwel preferenza lil kandidati nisa

    Fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-Sibt, kienu 32,494 persuna li taw l-ewwel preferenza tagħhom lil kandidati nisa mit-tliet partiti politiċi ewlenin. Minn dawn kien hemm 304 votanti li taw l-ewwel preferenza tagħhom lill-unika kandidata mara ta’ Alternattiva Demokratika; 18,611-il votant li ta l-ewwel preferenza lil waħda mit-13-il kandidati nisa li rrappreżentaw lill-Partit Laburista u 13,579 votant li taw l-ewwel preferenza lil waħda mill-kandidati nisa tal-Partit Nazzjonalista.

    Fil-każ ta’ Alternattiva Demokratika, l-unika kandidata mara li kellhom ikkontestat fuq żewġ distretti, filwaqt li min-naħa tal-Partit Laburista kienu disa’ kandidati nisa li kkontestaw fuq żewġ distretti. Fejn għandu x’jaqsam il-Partit Nazzjonalista kienu erba’ kandidati nisa li kkontestaw fuq żewġ distretti.

    Fil-proċess tal-ewwel għadd tal-voti, kienet il-kandidata Laburista, Marie-Louise Coleiro Preca li ġiet eletta bħala l-ewwel kandidata mara b’5,707 voti mis-sitt distrett. Dan ifisser li mill-elezzjoni ġenerali tal-2008 ’l hawn irnexxielha tikseb 217-il vot aktar.

    Warajha kienet il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista, Giovanna Debono li fl-ewwel għadd kisbet 4,756 fuq it-13-il distrett. Minkejja dan, mill-elezzjoni tal-2008 ’l hawn il-kandidata Nazzjonalista naqqset mill-voti fejn ħames snin ilu kienet kisbet 5,633 vot fl-ewwel għadd.

    Kif marru l-kandidati nisa fl-ewwel għadd

    Alternattiva Demokratika kellu kandidata waħda li kkontestat f’ismu għal din l-elezzjoni fuq żewġ distretti: ir-raba’ distrett u d-disa’ distrett. Fl-ewwel għadd, Deguara kisbet 254 fuq ir-raba’ distrett, filwaqt li fuq id-disa’ distrett kisbet 50 vot.

    Min-naħa tal-Partit Laburista, kienu 13-il mara li kkontestaw din l-elezzjoni. Fuq l-ewwel distrett, ħarġet għal din l-elezzjoni Yana Mintoff Bland li fl-ewwel għadd kisbet 285 vot. Mintoff Bland ikkontestat ukoll fit-tieni distrett fejn ukoll kisbet 285 vot mal-ewwel għadd.

    Fuq it-tieni distrett, il-Partit Laburista kellu wkoll lill-kandidati Helena Dalli u lil Rita Law. Dalli kisbet 441 vot mal-ewwel għadd, filwaqt li Law kisbet 37 vot.

    Dalli u Law kienu wkoll kandidati tal-Partit Laburista fuq it-tielet distrett minn fejn irnexxielhom jiksbu 1,037 vot u 650 vot rispettivament.

    Fuq it-tielet distrett, ikkontesta ukoll Marion Mizzi li kisbet 64 vot mal-ewwel għadd. Min-naħa tagħha, hi kkontestat ukoll fuq il-ħames distrett minn fejn kisbet 156 vot fl-ewwel għadd.

    Tirrappreżenta wkoll lill-Partit Laburista fil-ħames distrett kien hemm Marlene Farrugia li fl-ewwel għadd kisbet 2,525 vot. Din ikkontesta ukoll fuq is-sitt distrett fejn kisbet 358.

    Nikita Zammit Alamango u Anna Agius irrappreżentaw lill-Partit Laburista fuq id-disa’ distrett li rnexxielhom jiksbu 194 vot u 276 vot rispettivament. Zammit Alamango u Agius ikkontestaw ukoll fuq l-għaxar distrett fejn kisbet 91 vot u 615-il vot rispettivament.

    Fuq l-għaxar distrett kien hemm ukoll il-kandidata Joanne Vella Cuschieri li kisbet 208 voti fl-ewwel għadd. Vella Cuschieri kienet kandidata tal-Partit Laburista fuq it-tnax-il distrett ukoll fejn kisbet 547 vot fl-ewwel għadd.

    Fejn għandu x’jaqsam il-ħdax-il distrett, min-naħa tal-Partit Laburista kkontestaw żewġ nisa; Deborah Schembri u Rachel Tua. Schembri kisbet 485 vot, filwaqt li Tua kisbet 164 vot fl-ewwel għadd.

    Ta’ min jgħid li l-kandidata Deborah Schembri kkontestat ukoll fuq it-tnax-il distrett fejn irnexxielha tikseb 1,613-il vot. Fuq l-istess distrett ikkontesta ukoll il-kandidata Lorna Vassallo li kisbet 116-il vot fl-ewwel għadd tal-voti.

    Fl-aħħar nett, fit-tlettax-il distrett il-Partit Laburista kellu tirrappreżentah lil Justyne Caruana li fl-ewwel għadd kisbet 2,757 vot.

    Fejn għandu x’jaqsam il-Partit Nazzjonalista, dan kellu 12-il mara li kkontestaw din l-elezzjoni f’ismu.

    Fuq l-ewwel distrett kellu żewġ kandidati nisa. Dawn kienu Josianne Cardona li kisbet 203 voti fl-ewwel għadd u Paula Mifsud Bonnici li kisbet 1,368 vot.

    Min-naħa ta’ Cardona din kienet ukoll rappreżentanta tal-Partit Nazzjonalista fuq it-tmien distrett fejn fl-ewwel għadd irnexxielha tikseb 128 vot.

    Il-kandidata Nazzjonalista Ingrid Brownrigg irrappreżentat lill-Partit Nazzjonalista fuq it-tieni u t-tielet distrett. Fit-tieni distrett kisbet 105 voti fl-ewwel għadd, filwaqt li fit-tielet distrett kisbet 613-il vot.

    Caroline Galea kkontestat mal-Partit Nazzjonalista fuq ir-raba’ distrett fejn mal-ewwel għadd irnexxielha tikseb 690 vot. Galea kienet ukoll kontestanta fuq is-sitt distrett, minn fejn kisbet 62 vot mal-ewwel għadd.

    Fuq dan l-istess distrett, il-Partit Nazzjonalista kellu wkoll lil Therese Comodini Cachia tirrappreżentah li kisbet 846 vot mal-ewwel għadd.

    Minbarra, Josianne Cardona li rrappreżentat lill-Partit Nazzjonalista fuq it-tmien distrett, kien hemm ukoll Claudette Buttigieg li kisbet 704 voti. Buttigieg kienet ukoll kandidata fuq it-tnax-il distrett minn fejn kisbet 1,519-il vot fl-ewwel għadd.

    Fejn għandu x’jaqsam id-disa’ distrett, il-Partit Nazzjonalista kellu żewġ kandidati nisa. Dawn kienu Kristy Debono li kisbet 651 vot mal-ewwel għadd u Marthese Portelli li ngħatat 787 vot.

    Fuq l-għaxar distrett ikkontestat il-kandidata Evelyn Vella Brincat li kisbet 198 mal-ewwel għadd. Il-Partit Nazzjonalista kellu wkoll kandidata waħda biss ukoll fuq il-ħdax-il distrett. Din kienet Shirley Farrugia li fl-ewwel għadd tal-voti kisbet 531 vot.

    Fit-tnax-il distrett, il-Partit Nazzjonalista kien irrappreżentat minn Graziella Galea li fl-ewwel għadd kisbet 418-il vot.