Mass meeting spontanju fuq il-Fosos

    "Għamilna kampanja bħala moviment u se niggvernaw bħala moviment". Din id-dikjarazzjoni għamilha l-Mexxej tal-Moviment Laburista, Joseph Muscat meta indirizza eluf ta' nies li ħonqu l-Fosos tal-Furjana. Hu għamel din id-dikjarazzjoni ukoll f'diskors qasir mill-gallarija taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, quddiem folla kbira li nġabret hemm ftit ħin wara li tħabbar li l-Moviment Laburista kien għamel rebħa kbira fl-elezzjoni ġenerali.

    Il-mexxej Laburista wasal fuq il-fosos għall-ħabta tas-sitta ta' filgħaxija, bil-karozza tiegħu litteralment imdawra bil-partitarji li bilkemm ħallewha tiċċaqlaq. Il-Mexxej Laburista flimkien ma' martu Michelle, telgħu fuq il-palk prinċipali akkumpanjati minn għadd kbir ta' attivisti li kienu qed jistennewh wara l-palk.

    Fil-messaġġ tiegħu, Joseph Muscat qal li "illum nistgħu ngħidu li Malta hi Tagħna Ilkoll. Il-mandat li tana l-poplu Malti u Għawdxi ma seta' qatt jingħata bil-politika tal-passat. Se nkunu qed indaħħlu politika ġdida f'pajjiżna. Il-poplu Malti mill-Indipendenza 'l hawn qatt ma ta' sinjal u mandat daqshekk ċar. Dan kollu jpoġġielna responsabbilità akbar. Illum ma niżlitx il-bandiera blu u telgħet dik ħamra. Illum telgħet il-bandiera Maltija", qal il-mexxej Laburista, Joseph Muscat.

    Tenna li "aħna nafu li l-poplu Malti tana l-fiduċja biex inkunu gvern tal-poplu kollu. Agħtu l-id tal-ħbiberija lil kulħadd. Is-Sibt li ġej nerġgħu niltaqgħu fuq il-fosos".

    Intant fil-4.45 ta' wara nofsinhar, Joseph Muscat kien fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, fejn hemmhekk flimkien mal-amministrazzjoni tal-Partit Laburista, sellem lill-folla li kienet ilha hemm sa minn kmieni wara nofsinhar. Hu saħaq fuq il-messaġġ li dawk li ma jaqblux mal-moviment Laburista jistgħu ukoll jaħdmu ma' dan il-moviment. Qal ukoll li "se naħdem b'ħilti u bl-enerġija kollha biex ħadd ma jħossu barrani f'pajjiżu". Waqt li rringrazzja lil dawk preżenti għall-għajnuna li sab il-moviment, qal li "għinuna biex inkunu gvern man-nies u mhux maqtugħ minn nies". Hu rringrazzja lil voluntiera u l-dawk kollha li taw l-appoġġ lill-Moviment Laburista. Hu rringrazzja b'mod speċjali liż-żgħażagħ u qal li dawn għażlu li jkunu protagonisti u mhux spettaturi.

    Ritratti: Roger Azzopardi