It-traffiku… meta se nsibu tarfu?

     

    Minkejja l-aħħar tentattivi biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku, l-ilmenti komplew jinxterdu fuq is-siti u jidher li s-sitwazzjoni se tibqa' għaddejja. Fl-aħħar ġimgħat il-gvern beda l-inizjattiva li jwessa' it-toroq u jċekken xi roundabouts bit-tama li jtaffi xi ftit il-konġestjoni tat-traffiku li saret biċċa uġigħ ta' ras għal kulħadd.

    Taħsbu li hu sew li filgħodu mill-Mosta sa’ Birkirkara iddum aktar minn nofs siegħa?  Hi vijabbli li minn Haż-Żabbar sal-Marsa ddum nofsiegħa jew aktar?  Li toħroġ fis-7.15 a.m minn Birkirkara u ssib il-bypass iġġamjata u ma tasalx fil-ħin biex tmur għax-xogħol, ma tarawhiex inkwetant?  

    Imbagħad għandna lil dawk li jgħaddu mit-toroq imwarrbin biex jiffrankaw it-traffiku. Waħda minn dawn it-toroq hi t-triq li min Ħal Luqa tieħu lejn is-Siġġiewi. Tgħaddi minn Ħal Farrug u ta’ Kandja u jekk trid tista’ tibqa’ sejjer lejn ir-Rabat. Triq li issa minnha qed jgħaddi l-open buses.  Tistgħu timmaġinaw f’partijiet dojoq f’kummiedji tara b’karozzi mwaħħlin ma jistgħux jgħaddu. 

    Kif imbagħad tgħaddi din  tasal ħdejn Ħal Farruġ u hemmhekk għandek issib konġestjoni oħra. Kif tgħaddi minnha lanqas tilħaq tgħid amen, li ma tispiċċax imwaħħal ħdejn ir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule u dan minkejja li hemm għamlu arranġamenti biex it-traffiku suppost jimxi aħjar.

    Qalb dawn l-ilmenti spikka appell li verament jagħmel sens li jgħid li biex ssolvi l-problema hemm bżonn ta' sistema fejn in-nies jiġu inċentivati biex jużaw it-trasport pubbliku bit-tama li jonqsu il-karozzi.