Il-qtil kien jiffirmah billi jaqta' barra sider in-nisa vittmi tiegħu

    “Fuq livell fundamenti bħala pesuni umani, inti qed tippreżentalna it-theddida xokkanti u l-mistoqsija bla tweġiba – dik ta’ kif sirt dak li int”.  Hekk kien iddikjara l-Imħallef Frank Vincent fis-sentenza li tah għall-qtil brutali ta’ Nicole Patterson.  Dupas ma bediex joqtol ta’ età żgħira.  Imma mindu kien żgħir, sa mill-età ta’ 15-il sena beda juri ‘l fejn jista’ jmur. Kien dieħel u ħiereġ il-ħabs. Dejjem fuq akkużi ta’ attakki fuq nisa.  Aktar m’għaddew snin l-attakki dejjem saru aktar serji.  Spiċċa bi stupri u kif ħareġ mill-ħabs wara diversi każi beda joqtol. Omiċidji li kexkxu. Kien jiffirma l-att kriminali tiegħu billi lill-vittmi jaqtagħlhom sidirhom.

    Peter Norris Dupas kien l-iżgħar fost tliet aħwa. Il-familja li trabba fiha kienet meqjusa bħala normali. Għamlu xi żmien residenti f’Sydney iżda imbagħad iddeċidew li jmorru jgħixu f’Melbourne. 

    Kien meta kellu 15-il sena li Dupas mar għand wieħed mill-ġirien u talbu biex isellfu sikkina.  L-iskuża li ġab kien li kellu bżonn iqaxxar xi ħaxix.   X’ħin ġabitlu is-sikkina hu beda jtiha biha f’għonqha. Hi irreżistietu. Finalment spiċċa arrestat u meta kien interrogat mill-Pulizija qalilhom li ma jafx għaliex  beda jattakka lil din il-mara. Hu ngħata sentenza ta’ 18-il xahar probation u kien ittieħed fl-isptar psikjatriku f’Larundel.

    Ġara li f’Ottubru tas-sena 1969, f’kamra mortwarja f’Austin Hospital kien hemm sinjali strambi. Mill-ewwel ġie konfermat li kien daħal xi ħadd. Żewġ katavri ta’ nisa anzjani kienu ngħataw daqqiet ta’ sikkina.  Wieħed mill-katavri kellu daqqa’ ta’ sikkina fl-għonq.

    Meta l-investigatur Ian Armstrong interroga lil Peter fl-1973 ddikjara li “dan hu persuna malinna. L-attakki tiegħu kienu ippjanati u ma ddispjacihx. Dan hu persuna perikoluża”.

    Sensiela ta’ stupri makabri

    F’nofs is-Snin Sebgħin u wara, hu kien involut f’diversi attakki fuq nisa, fosthom fuq mara miżżewġa. Hu kien daħal f’darha u beda jheddidha b’sikkina.  Hu rabatha u stupraha.  Hu anke heddidha li joqtol lit-tarbija jekk tibqa’ tirreżistieh.  Għal dan hu instab ħati u l-Imħallef iddeskriva dak li ġara bħala “dan hu wieħed mill-agħar stupri li wieħed jista’ jimmaġina”.

    Ġara li kif ħareġ mill-ħabs, hu immolesta  diversi nisa f’erba’ attakki.  Dan sar fi spazju ta’ għaxart ijiem. 

    Reġa’ spiċċa l-ħabs u ħareġ fi Frar tas-sena 1985. Imma lanqas għadda xahar li ma struprax tfajla ta’ 21 sena. Il-każ kien seħħ fuq ix-xtajta ta’ Blairgowrie.   Hu kien segwa lill-mara u attakkaha.  Meta interrogat hu qal li “jiddispaċini għal dak li ġara. Kulħadd kien qed jgħidli li jien issa ninsab tajjeb. Qatt ma ħsibt li se terġa’ tiġri. Li rrid hu li ngħix ħajja normali”. Għal dan l-istupru hu ingħata 12-il sena oħra ħabs. 

    Ħareġ mill-ħabs fis-sena 1992 u ftit xhur  wara hu attakka mara li kienet qed tagħmel piknik.  Hu attakkaha meta marret it-tojlit.  Hu ġie attakkat minn ħbieb tagħha. Ħarab minn fuq il-post imma tant kien ippanikkjat li spiċċa ħabat bil-karozza u kien arrestat.  Għal darba oħra ingħata sentenza ta’ tlett snin u disa’ xhur ħabs.  Hu ħareġ mill-ħabs fl-1996.

    Seħħ dak li kien beżgħu minnu l-investigaturi... sensiela ta’ qtil ta’ nisa

    Din id-darba, ir-reati kienu ta’ tqil.  L-ewwel qtil kien jinvolvi lil Margaret Josephine Maher ta’ 40 sena. Din kienet ħaddiema tas-sess u kienet tgħix f’Melbourne.  Ġisimha instab  taħt kaxxa li fiha kien hemm partijiet minn kompjuter, f’ġenb ta’ triq. Il-katavru tagħha nstab minn Frank McDonald meta dan kien qed jiġbor xi bottijiet tal-aluminju. Irrizulta li hi kellha diversi daqqiet ta’ sikkina.  Xena makabra kienet dik li hu qata’ sider il-mara u poġġihulha f’ħalqha.

    Il-qtugħ tas-sider, hu l-mod ta’ kif Peter kien jiffirma il-qtil tiegħu. 

    Fl-1 ta’ Novembru tas-sena 1997, inqatlet Mersina Halvagis ta’ 25 sena..  Hi kienet qed tagħmel żjara fuq il-qabar ta’ nannitha fiċ-ċimiterju ta’ Fawkner.  Hi ma rritornatx u l-ġisem tagħha instab ftit jiem wara. Instab ġo qabar, li kien tliet oqbra biss bogħod mill-qabar ta’ nannitha.   Hi kellha 87 daqqa ta’ sikkina. Ħafna mid-daqqiet kienu f’sidirha. 

    Wara kien imiss lil Nicola Amanda Patterson, psikoterapista ta’ 28 sena.  Jidher li kien sar rapport minn xi ġirien li semgħuha twerżaq. Telefonati mis-sieħeb tagħha irrizultaw fin-negattiv u dan qajjem suspetti.  Il-ġisem tagħha instab fir-residenza tagħha. Mill-investigazzjoni ħareġ li kien hemm tliet telefonati li saru minn Peter. Meta interrogawh fuq wiċċu sabulu xi grif. Il-katavru ta’ Nicole, kellu is-sider nieqes.

    Fuq dawn it-tliet każijiet hu ngħata tliet sentenzi ta’  għomor il-ħabs.  F’wieħed mill-ġurijiet, hu ma naqasx li jgħaddi kummenti lejn l-Imħallef u ddeskriva l-qorti bħala ‘Kangaroo Court’.  Apparti dawn il-każijiet kien hemm omiċidji oħra li bdew jiġu attribwiti lil Peter u fost dawn kien hemm dak ta’ Helen McMahon li kienet qiegħda l-baħar topless u din instabet maqtula.  Kien hemm il-qtil ukoll ta’ Renita Brunton u l-qtil ta’ Kathleen Downes.  Il-Pulizija Awstraljani kellhom suspetti li dawn it-tlieta nqatlu minn Peter Dupas.