Imniedi l-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat 2017

    Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, flimkien mal-President tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) Nathan Farrugia, nedew l-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat 2017.

    Is-Segretarju Parlamentari, filwaqt li rringrazzja lill-għaqdiet voluntiera u lill-voluntiera individwali għall-ħidma tagħhom b’risq is-soċjetà, saħaq li għas-seba’ sena konsekuttiva dan il-premju qed jiġi mniedi sabiex niċċelebraw ix-xogħol li jitwettaq mill-voluntiera u mill-għaqdiet volontarji. Permezz ta’ dan il-premju s-soċjetà turi l-apprezzament għall-ħidma kontinwa tal-volontarjat, kultant magħrufa u bosta drabi fis-skiet. Is-sabiħ tal-volontarjat huwa li l-individwu jista’ jkollu impatt tanġibbli fuq dak kollu li jkun qed iseħħ madwaru, kemm b’mod dirett ma’ persuna oħra, u kif ukoll f’komunità.

    Fl-aħħar nett, Clifton Grima tenna l-impenn tiegħu personali kif ukoll tal-Gvern illi f’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat ser inkunu qed insostnu lis-settur tal-volontarjat fil-ħidma tiegħu, liema settur huwa meqjus bħala sieħeb essenzjali fis-soċjetà li ngħixu fiha. 

    L-għan tal-Premju Nazzjonali huwa li jagħti rikonoxximent wiesa’ lis-servizzi mill-voluntiera u l-organizzazzjonijiet volontarji fi ħdan il-komunità, li joħloq kuxjenza dwar il-valuri eżemplari murija u jsib mudelli għal żgħażagħ u għas-soċjetà b’mod aktar wiesa’, kif ukoll biex jirrikonoxxi l-kontribuzzjonijiet importanti li saru f’diversi oqsma. 

    Il-Premju Nazzjonali jingħata lil voluntiera individwali li jkunu ikkontribwew f’kwalunkwe qasam, bħal dak soċjali, umanitarju, tas-saħħa, ekoloġiku, kulturali, edukattiv, u sportiv, fost oħrajn. Il-ħidma volontarja tissarraf f’kontribut pożittiv lejn qasam partikolari u idealment sservi ta’ ispirazzjoni għal oħrajn.

    Dan il-premju huwa kkumplimentat minn tliet premjijiet oħra li huma l-Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ, il-Premju għall-Organizzazzjoni Volontarja, u l-Premju għall-Volontarjat Korporattiv. Il-Premju għall-Volontarjat taż-Żgħażagħ jingħata lil voluntier bejn l-età ta’ 16 u 30 sena bl-istess għanijiet tal-Premju Nazzjonali tal-Volontarjat, u l-ambitu prinċipali hu biex jippromwovi l-volontarjat fost iż-żgħażagħ. Il-Premju għall-Organizzazzjoni tal-Volontarjat jingħata lill-organizzazzjoni volontarja li kienet importanti fis-settur li fih topera u li hija innovattiva fil-mod ta’ kif timxi kif ukoll fis-servizzi li toffri fil-komunità kif ukoll fil-mod kif tirrekluta u ssostni l-voluntiera. L-aħħar għotja, il-Premju għall-Volontarjat Korporattiv, tingħata lil dik il-kumpanija jew organizzazzjoni li ġejja mis-settur privat li tat appoġġ tanġibbli lis-settur volontarju, kemm permezz ta’ appoġġ dirett kif ukoll billi tappoġġja u tiffaċilita lill-impjegati tagħha biex jivvolontaw.

    Is-sejħa tal-applikazzjonijiet se tiftaħ fit-12 ta’ Ottubru, 2017 u tagħlaq fl-10 ta’ Novembru, 2017, filwaqt li ċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet se ssir fil-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat nhar il-5 ta’ Diċembru.