"Dan il-baġit ftit jikkontribwixxi għall-ġid komuni… ma jħarisx fit-tul"

    Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tal-Knisja iddeskriviet dan il-baġit imressaq mill-Gvern bħala li “ftit jikkontribwixxi għal ġid komuni”. Hi qalet ukoll li dan ma jħarisx fit-tul. Il-Kummissjoni ikkritikat wkoll il-fatt li parti mis-surplus li se jsostni l-Baġit, ġie mid-dħul tal-Programm taċ-Ċittadinanza u li fi kliemha mhux sostenibbli. Dwar dan il-programm li l-Gvern estenda għas-sena li ġejja, il-Kummissjoni saħqet li “ta’ min jistħarreġ il-valur etiku u morali tiegħu.”

    Il-Kummissjoni qablet ma’ proposti fil-baġit dwar l-iskart, il-kontenituri tax-xorb, it-trasport kollettiv, il-vjolenza domestika, l-adozzjoni u l-fostering. Saħqet li l-Baġit jindirizza wkoll il-kwalità tal-ħajja u fost il-miżuri semmiet il-ġurnata addizzjonali ta’ leave.