“Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni motivati minn vendetta personali”

    “Allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni motivati minn vendetta personali”... l-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud 

    L-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud qal fil-Qorti li allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni dwaru fuq online blog kienu motivati minn vendetta personali min-naħa tal-eks sieħba tiegħu Anna Zelbst.

    Huwa qal dan meta lbieraħ xehed fil-kawża ta’ libell kontra l-blogger Daphne Caruana Galizia. Mifsud ħassu malafamat minn post fuq il-blog ta’ Caruana Galizia f’Ġunju tal-2016 li fih allegat li hu rċieva flus minn ċertu Ronnie Demajo. Dan biex il-Mid Med Bank - li tiegħu Mifsud kien Ċermen bejn l-1996 u l-1998 - jixtri s-software ta’ kumpanija Amerikana Eastpoint li kienet rappreżentata mill-kumpanija ta’ Demajo. 

    Mifsud qal lill-Maġistrat Francesco Depasquale li s-sors wara l-istorja ta’ Caruana Galizia kienet fil-fatt l-eks sieħba tiegħu. 

    “Meta bdejt ir-relazzjoni tiegħi ma’ Zelbst, hija kienet taf lil Demajo iktar minni u dan kien stedinna d-dar tiegħu,” sostna Mifsud. Għall-mistoqsijeit tal-Avukat Pawlu Lia, Mifsud qal li ma kienx jaf li Demajo kellu xi rabta mal-kumpanija li żviluppat is-software. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar ix-xiri tas-software kienet għalkollox f’idejn il-Bord tad-Diretturi tal-Bank. 

    Kompla jgħid li, “kien biss meta ġejt biex niffirma l-kuntratt li skoprejt li d-ditta ta’ Demajo kienet ir-rappreżentant ta’ Eastpoint.” 

    Qal li l-post ta’ Caruana Galizia ħarġet tliet ġimgħat qabel ma’ kellu jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali fl-1 ta’ Lulju 2016. “Is-Sinjura Zelbst kellha l-mottivi tagħha,” qal Mifsud filwaqt li esebixxa SMS li fih din kienet kitbitlu, “Daphne will come in handy.”

    Mifsud tenna li meta ċemplitlu Daphne Caruana Galizia, hu kien qalilha li dan kien każ ta’ vendetta personali. 

    Huwa qal ukoll li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien bagħat għalih u kien ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jinnominah bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali kif jintemm it-terminu tal-Professur Josef Bonnici. Hu qal li ma riedx jagħmel ħsara lill-istituzzjoni u ftit jiem wara, qal lill-Prim Ministru biex ma jibqax jikkonsidrah għall-kariga. Eventwalment, il-Gvern kien innomina lil Mario Vella fil-kariga. Alfred Mifsud baqa’ fil-kariga ta’ Deputat Gvernatur sakemm irtira f’Ġunju li għadda.

    Alfred Mifsud kompla li l-2006, Anna Zelbst għamlet l-istess allegazzjonijiet lill-pulizija iżda kien biss meta kienu ripetuti fil-blog is-sena li għaddiet li l-Pulizija bagħtu għalih diversi drabi u kienu qed jinvestigaw.

    Hu qal li dan il-post kien segwit b’post ieħor fuq l-istess blog ta’ Caruana Galizia fejn kien allegat li hu “ħasel” (laundered) il-flus li allegatament irċieva mingħand Demajo permezz ta’ kontijiet ta’ terzi persuni. Alfred Mifsud qal li l-pulizija għamlet l-investigazzjonijiet tagħha iżda ma rriżulta xejn.

    Il-każ ikompli ix-xahar id-dieħel bil-kontroeżami tal-istess Alfred Mifsud.

    L-Avukat Pawlu Lia qed jassisti lil Alfred Mifsud filwaqt li l-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Daphne Caruana Galizia.