Ġenna ta’ Ġonna fil-Furjana... Il-knisja arċipretali ta’ San Publju attrazzjoni speċjali flimkien ma’ nħawi oħra storiċi

    Nhar il-Ħadd, 15 ta’ Ottubru 2017, fl-okkażjoni tal-attività annwali organizzata mill-Kunsill Lokali Floriana bl-isem ta’ IL-FURJANA ĠENNA TA’ ĠONNA, il-knisja arċipretali ta’ San Publju se torganizza open day għall-pubbliku inġenerali. 

    Waħda mill-attrazzjonijiet prinċipali, apparti ż-żjara minnha nnifisha f’dan it-tempju meraviljuż, hi li l-viżitaturi jkunu jistgħu jitilgħu fuq il-kampnar tan-naħa tat-tramuntana fejn, minn taħt l-akbar qanpiena tas-sett li jżejjen dawn iż-żewġ kampnari, tista’ tammira l-arkitettura tal-knisja minn fuq u tgawdi veduti panoramiċi mill-isbaħ. 

    Int u tiela’, eżatt qabel tixref għal fuq il-bejt, tidħol fil-kamra tal-arloġġ fejn tista’ tara l-mekkaniżmu jaħdem. 

    Se jkun hemm ukoll aċċess għal fuq il-pjattaforma, armata fil-kappellun dedikat lil Madonna tar-Rużarju fejn diġà sar xogħol dekorattiv fis-saqaf, inkluż l-induratura u bħalissa qegħdin  nistennew li titwaħħal il-pittura. 

    Biex tinzamm it-tema ta’, ’Ġenna ta’ Ġonna’, il-knisja se tiżżejen bi kwantità ta’ pjanti. 

    Fis-1.00p.m. se jsir Pranzu fuq iz-zuntier tan-naħa ta’ Balzunetta. Għal dan il-pranzu d-dħul hu strettament bil-booking minn qabel. Min jixtieq jattendi hu mitlub li jikkuntattja lir-Rev. Arċipriet Fr. Richard Borg fuq  2124 7106 jew lil Stephen Tonna fuq 7933 9649. 

    Il-pubbliku ġenerali hu mistieden jattendi u jgawdi minn dak li għandha x’toffri din il-knisja, waħda mill-binjiet kbar, imponenti, sbieħ u mżejna b’arkitettura mill-isbaħ f’pajjizna.

    Barra minn hekk, fil-Mużew ġdid tal-knisja mal-ġenb tal-knisja ta’ San Publju għadha kif kienet inawgurata kollezzjoni kbira ta’ kotba, tradotti f’diversi lingwi u letteratura oħra, kollha xogħol il-Professur Dr Oliver Friggieri. 

    Għaldaqstant minbarra li dak li jkun jara l-esebiti fil-Mużew jara wkoll din il-kollezzjoni prezzjuza ta’ kotba li d-dħul għal dan il-Mużew u għall-knisja  huma b’xejn.