Illum mistenni l-verdett tal-ġuri dwar qtil f’Għawdex

    Wara ġimgħatejn u nofs għaddej, il-ġuri dwar delitt f'Għawdex kompla riesaq lejn tmiemu. Wara li lbieraħ l-Imħallef Antonio Mizzi beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati, dawn illum mistennija jidħlu jiddeliberaw il-verdett tagħhom.

    Gerald Galea ta' 67 sena miż-Żebbuġ, Għawdex, kien mixli b'erba' kapi ta' akkuża relatati ma' dak li ġara fid-19 ta' Ġunju 2013 fil-parkeġġ tal-Qbajjar f'Marsalforn.

    L-iktar akkużi serji kienu dawk li qatel lil John Spiteri, Għawdxi li kellu 45 sena, u li ipprova joqtol lil ibnu Matthew Joe Spiteri li dak iż-żmien kellu 24 sena billi saq għal fuqhom wara argument bejn iż-żewġ naħat fuq żbir ta' siġar.

    Iż-żewġ akkużi oħra kienu li kkaġuna b'€2,660 ħsara fil-vettura Daihatsu li kien qed isuq, proprjeta tar-raġel t'oħtu Joseph Hili, u li saq b'veloċita eċċessiva u kkaġuna b'€600 ħsara fuq il-vettura tal-vittma. 

    Il-prosekuzzjoni fil-ġuri tmexxiet mill-Avukati Giannella Busuttil u l-Avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi iddefendew lil Galea.

    Tul il-ġuri il-familja Spiteri kellha jidher għaliha lill-Avukat Joseph Giglio.